Din tista’ tiġri f’ Malta?
Ġurnata sabiħa. Ħriġt għall-affari tiegħek, iddur dawra fin-naqra kampanja li fadlilna u tieħu stessu biex tħabbar fuq Facebook li ħriġt tagħmel ftit eżerċizzju, avolja lanqas tkun għadek għamilt pass. F’daqqa waħda, tara annimal kbir, ma tkunx taf x’inhu u għalhekk tiffriża, timxi biċċa ’l quddiem u f’salt tinduna li dan iljunessa.
Inti li qed taqra tgħidli, u kif jista’ jkun? Mela Malta għandna dawn l-annimali? Ħabib/a tiegħi, nemmen li din jaf tkun ir-realtà fi ftit snin oħra.
Xi ħaġa simili ġrat f’Berlin, fejn bdew jaħsbu li hemm iljunessa tiġri f’parti minn Berlin għaliex ħarbet lil xi ħadd. It-tfittxija kienet waħda intensiva fejn residenti li joqogħdu qrib stqarrew li l-pulizija bdew javżawhom biex jibqgħu ġewwa fi djarhom sakemm jiskopru eżatt x’inhi l-ispeċi ta’ dan l-annimal. It-tfittxija kienet magħmula minn esperti f’dan il-qasam, drones, ħelikopters u pulizija. Madankollu, ftit tal-jiem ilu, il-pulizija waqqfet it-tfittxija għaliex ma sabu l-ebda traċċa ta’ dan l-annimal u għalhekk qed jaħsbu li dan kien sempliċiment ħanżir li jgħix fis-selvaġġ.
Madankollu, jekk toqgħod tqis, f’Malta saret komuni li nġibu minn barra annimali mhux daqstant meqjusa domestiċi. Għalhekk, kieku xi ħaġa simili bħal din tiġri f’Malta, f’dan iċ-ċokon, nemmen li jitqajjem pandemonju sħiħ. Allura, taħseb li għandu jkun hawn iktar liġijiet dwar dawn l-annimali? U inti, x’tagħmel kieku tara speċi bħal din?