Iċ-Ċensiment

 Iċ-Ċensiment

Kif naraw lil Malta ħames snin oħra?

Din kienet mistoqsija li għamilna ftit tal-jiem ilu, u li rċivejna mat-300 kumment għaliha. Mir-risposti jidher sew li l-fatt li l-popolazzjoni tagħna qiegħda tikber b’rata mgħaġġla sena wara sena, dan qiegħed jinkwieta lil ħafna nies.

 

Fil-verità, kemm qiegħda tikber il-popolazzjoni f’Malta?

Skont iċ-ċensiment li sar fis-sena 2021, Malta kellha popolazzjoni ta’ 519,562: żieda ta’ 100,000 fuq għaxar snin ilu. Dan ifisser li Malta hija l-aktar pajjiż popolat fl-UE: 1,649 persuna għal kull kilometru kwadru. Wieħed minn kull ħames persuni huwa barrani, u l-ammont ta’ barranin reġistrati fis-sena 2021, kien dak ta’ 115,448: ħames darbiet iktar mis-sena 2011. Dawn l-ammonti ma joffrux stampa ċara tal-popolazzjoni f’Malta. Minħabba l-Free Movement tax-Shengen, f’Malta hawn ħafna barranin mhux reġistrati peress li dan jagħtik id-dritt li tidħol f’pajjiżi oħra Ewropej mingħajr ma tiġi ċċekkjat.

 

Għaliex din hija problema għalina l-Maltin?

Il-problema fit-tkabbir tal-popolazzjoni qiegħda tinħass ta’ kuljum, u maż-żmien, din il-problema dejjem qiegħda tikber. L-aktar li qiegħda tħalli effett huwa fuq it-traffiku, li ta’ kull filgħodu qiegħed joħloq problemi kbar fit-toroq tagħna. Minbarra dan, qiegħed ikun hemm piż kbir fuq iċ-ċentri tas-saħħa, speċjalment l-emerġenza u l-isptar. Illum tmur l-emerġenza u tara diversi barranin jinqdew bis-servizzi tas-saħħa u għalhekk qiegħed ikun hawn aktar stennija min-naħa tal-pazjenti u aktar xogħol fuq it-tobba. Apparti dawn, il-problema tad-dawl qiegħda tiżdied. Riċentament sar ikun hawn aktar domanda għalih u b’hekk, dan qiegħed jikkawża problemi kbar, speċjalment fl-istaġuni tas-sajf.

 

Fattur ieħor li l-awtoritajiet ma tantx jitkellmu dwaru huwa x-xogħol f’Malta. Minħabba din iż-żieda fil-popolazzjoni ċertu xogħlijiet qegħdin isiru mill-barranin. Xi sidien tan-negozji jistqarru li l-Maltin ma jridux jaħdmu f’ċerta setturi. Madankollu, ir-raġuni jaf tkun li l-pagi li qegħdin joffru dawn is-sidien, huma aċċettati mill-barranin filwaqt li l-Maltin jarawhom ftit.

 

Ovvjament, tkabbir fil-popolazzjoni jfisser ukoll tkabbir fil-volum tal-proprjetà. Wieħed jista’ jikteb artiklu sħiħ dwar il-problemi li hawn u għaliex għandna nillimitaw it-tkabbir fil-kostruzzjoni, imma dak mhux l-iskop tagħna llum.

 

Wasal iż-żmien li wieħed janalizza sew din is-sitwazzjoni u kif din tista’ tiġi kkontrollata. L-ekonomija tagħna ma tistax tibqa’ tistrieħ fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni. Hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa qabel ikun tard wisq!

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com