Il-Volontarjat, il-qalb u r-ruħ ta’ pajjiżna, għadu moda?

 Il-Volontarjat, il-qalb u r-ruħ ta’ pajjiżna, għadu moda?

Jekk f’Malta hawn xi ħaġa li tagħmilna differenti minn popli oħra, żgur hija l-ammont sostanzjali ta’ volontarjat li jsir kuljum.

Ta’ min insemmu li l-volontarjat donnu jagħti ruħ lill-pajjiż. Meta ċ-ċittadini jagħmlu xi ħaġa ta’ ġid mingħajr ma jistennew il-ħlas, dan ifisser li huma jħaddnu valuri sodi. Il-volontarjat jista’ jsir kullimkien, madankollu, illum ser nindirizza l-problema li qed jiffaċċjaw l-għaqdiet f’kull lokal: in-nuqqas ta’ volontiera.

L-għaqdiet fl-irħula huma importanti għaliex b’hekk ir-residenti jaħdmu għal għan wieħed: li jieħdu ħsieb u jtejbu l-lokal tagħhom. F’belt jew raħal, wieħed jista’ jsib diversi għaqdiet iżda l-iktar popolari huma l-għaqdiet tal-baned u l-festi u dawk tal-futbol. Dawn l-għaqdiet minn dejjem kienu attivi ħafna, u qabel iż-żgħażagħ, l-adulti u anka l-anzjani sikwit kienu jagħmlu biċċa xogħol b’risq il-każin u b’hekk, il-volontarjat kien b’saħħtu immens f’ħafna lokalitajiet. Dan l-attiviżmu kollu ġej mill-kunċett tat-topofelija: li wieħed ikollu mħabba kbira lejn raħal twelidu u b’hekk uħud ifittxu s-sens ta’ komunità.

malta feast

Meta wieħed jitħaddet ma’nies f’dawn l-għaqdiet, l-ewwel ħaġa li jgħidulek hija li l-għajnuna mingħand persuni oħra naqset. Fi ftit kliem, naqas l-ammont ta’ ħin li wieħed għandu x’joffri u llum, il-klabbs tal-futbol, tal-baned u tal-festi kważi jitkarrbu għal daqsxejn għajnuna. Il-ħajja mgħaġġla tal-lum mhi tgħin xejn u għalhekk, dan jaf ikun fattur li qed jinfluwenza lil ħafna. Qabel, wieħed kien imur siegħa l-każin sabiex jirrilassa minn ġurnata xogħol iżda llum, wieħed jista’ jintefa’ fuq is-sufan u jintilef fid-dinja virtwali li joffri l-mobile. Huwa fatt li l-volontarjat, bis-sabiħ kollu tiegħu, jista’ jkun iebes peress li jirrikjedi sigħat twal ta’ ħin. Uħud jirraġunaw li dak il-ħin jista’ jiġi użat f’xi part-time job u b’hekk tidħol lira żejda.

Madankollu, ma nistgħux inpoġġu lil kulħadd f’keffa waħda u għalhekk, għandna nsemmu wkoll li għalkemm il-volontarjat naqas, xorta waħda għadna naraw żgħażagħ, adulti u anzjani jagħtu l-ħin tagħhom lil xi għaqda partikolari. Bis-saħħa tal-volontiera, il-festi tar-raħal u s-sapport fil-grawnds tal-futbol ikunu spettakolari.   

L-appell tiegħi huwa sabiex kull għaqda tieħu ħsieb lill-volontiera kollha, li huma l-qalb u r-ruħ ta’ pajjiżna. Inħeġġeġ lill-ġenituri sabiex iressqu lit-tfal tagħhom lejn dawn l-għaqdiet li huma ċ-ċentru tal-ħiliet u s-snajja’ Maltin.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com