Caritas Malta u 50 entitajiet oħra ma xtaqux li tgħaddi l-liġi tal-ħaxixa kif għaddiet. Wara li Strada Rjali għamlet vox pop dwar il-ħaxixa, tkellmet ma’ Dr Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta.
Jgħidilna li xtaqu iżjed restrizzjoni. “Kien hemm nies li riedu jpejpu l-ħaxixa b’mod liberu u din kellha influwenza kbira. Il-biża’ tal-Caritas però hi li jkun hemm iktar nies li jużaw, allura l-proporzjon ta’ nies li ħa jiġu affettwati b’mod ħażin minnha ħa jikber.” Ifakkarna dwar kif qiegħda l-liġi, filwaqt isostni x’għandu jsir. “Il-ħaxixa ma tista’ tpejjipha mkien fil-pubbliku u ma tistax tpejjipha quddiem it-tfal. Hemm bżonn kits ta’ salvia testing għal min ikun qed isuq u tiġi aġġornata l-liġi biex tingħata saħħa lill-pulizija meta jiġu biex jittestjaw persuni li għandhom suspett fuqhom. Fadal ħafna xi jsir biex din tiġi regolata kif sippost.”
Jispjega l-inkwiet li jaqsmu magħhom il-ġenituri. “Ħafna nies iċemplulna jgħidulna, issa t-tifel qed il-ħaxixa, dan okay? Dan jista’? Wieħed ta’ min ifakkar li l-kannabis ma tistax tiġi kkonsmata minn persuni ta’ taħt it-18-il sena.” Il-ħaxixa hija droga, minkejja li ħafna jgħidu li mhijiex. “Il-ħaxixa hija meqjusa bħala droga. Hawn forom ta’ ħaxixa li għandhom livell għoli ta’ THC. Din hija sustanza perikoluża u tħalli effetti serji fuq is-saħħa mentali tan-nies. Wieħed minn kull għaxra jkollu dipendenza serja.” Isostni fuq il-ħtieġa ta’ kontroll. “Element ta’ kontroll fuq dawn is-sustanzi, jipproteġi lil dawk il-persuna li huma l-iktar vulnerabbli.”