Il-waqfa mill-ħidma f’Santa Marija.

 Il-waqfa mill-ħidma f’Santa Marija.

Santa Marija hija waħda mill-iktar festi popolari b’bosta dilettanti. Madankollu, uħud ikollhom ġenn biex jasal dan il-perjodu minħabba l-famuż shutdown li jinkludi ġimgħa jew ħmistax ta’ waqfa mill-ħidma. Huwa fatt li x-xogħol huwa salmura tal-ġisem imma tajjeb ngħidu li waqfa kulħadd ikollu bżonnha. F’din is-sħana u l-ħajja mgħaġġla tagħna, dan iż-żmien ikun mistenni minn ħafna. Madankollu, il-Maltin x’jagħmlu f’din il-ġimgħa?

 

Għal ħafna, din il-ġimgħa tagħti ċans lil dak li jkun biex isiefer u b’hekk jaqta’ daqsxejn mir-rutina ta’ kuljum billi jżur xi post kemxejn differenti. Hawn min jiddeċiedi li jżur ftit il-gżira t’Għawdex u jqatta’ ftit jiem hemmhekk. U xi ngħidu għall-għawm? F’Malta għandna bosta bajjiet mill-isbaħ u tul dan il-perjodu, wieħed ikun jista’ jgawdihom. Madankollu, ma rridux ninsew il-festa li tiġi ċċelebrata f’seba’ lokalitajiet: Ħal Għaxaq ,il-Gudja,l-Imqabba, il-Qrendi, Ħ’Attard, il-Mosta u r-Rabat, Għawdex. Wieħed m’għandux jitlef il-festi f’dawn il-lokalitajiet u għalkemm huwa impossibbli li żżurhom kollha, qis li tmur tara xi waħda jew tnejn.

 

Dan iż-żmien ara li tqattgħu tajjeb billi tiltaqa’ mal-membri tal-familja tiegħek u lesti dawk l-affarijiet li ilhom fil-lista. U fuq kollox, qis li tistrieħ daqsxejn.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com