Pariri kif tnaqqas il-ħela fil-kċina u tuża l-ħin b’mod għaqli.
Ilkoll nafu kemm il-kċina hija l-iktar parti frekwentata u kemm trid tiddedika ħin għaliha. Barra minn hekk, jekk inti persuna li timla l-kċina sa ruħ ommha, il-ħela fid-dar ser tkun komuni. Hawnhekk ser issib daqsxejn pariri dwar kif tista’ tnaqqas il-ħela fil-kċina tiegħek u barra minn hekk, tuża l-ħin b’mod iktar għaqli.
Kemm-il darba jkollna xi banana misjura u b’hekk ma tħajrekx. Minflok tarmi, qaxxar il-banana u itfagħha f’xi kontenitur fil-friża. Dan tagħmlu biex ’il quddiem tkun tista’ tużaha biex tagħmel xi xarba (bħall-ismoothies) jew ħobż bil-banana.
Malli tixtri l-ħass u l-ħwawar, laħlaħ kollox u itfagħhom f’dixx. Fid-dixx itfa’ daqsxejn srievet tal-karti mxarrba u għatti kollox bil-plastik u b’hekk, il-ħass u l-ħwawar jibqgħu friski għal ġimgħa sħiħa.
Meta jkollok bżonn taqsam it-tadam ċirasa (cherry tomatoes), tista’ tuża l-ħin b’mod għaqli billi taqsamhom f’daqqa. Fuq għatu tal-plastik poġġi t-tadam, u fuqu, itfa’ għatu ieħor tal-plastik u aqsam it-tadam (li issa jinsab fin-nofs) bis-sikkina b’mod orizzontali).