Aħna poplu moralment korrott?
Matul is-snin, minn dejjem ta’ dejjem, nisimgħu b’diversi każi ta’ korruzzjoni kemm minn nies ordinarji u anke minn persuni pubbliċi. Fil-politika l-kelma korruzzjoni hija buzz word li l-partiti jirreferu ta’ spiss għaliha meta jridu jattakkaw lir-rivali tagħhom.
Każ ta’ korruzzjoni minn politiku jew xi uffiċjal governattiv iqajjem diskussjoni kbira u llum aktar minn qabel minħabba l-midja soċjali. Bir-raġun il-poplu jirrabja aktar meta min suppost jieħu ħsieb il-fondi pubbliċi jaghmel xi movimenti għall-gwadann personali, però meta nara dan kollu dejjem tiġini l-mistoqsija; imma aħna l-Maltin poplu moralment korott?
Ħa nagħmluha ċara, il-korruzzjoni mhux qiegħda Malta biss , issibha kullimkien u l-ħin kollu però int u jien kemm-il darba smajna l-frażi, issa nkellem lil xi ħadd biex nirranġa dik iċ-ċitazzjoni, jew tih xi ħaġa lil dak ħa ġġib il-liċenzja mal-ewwel jew ħudlu flixkun whiskey ħalli l-file tiegħek iqabbiżulek. Allura dik mhux korruzzjoni wkoll?
Fil-fond ta’ qalbna dawk li qed jaqraw dan l-artiklu, ħafna minna, jekk mhux il-maġġoranza, qed jgħidu jien ġieli għamiltha din. Sieħbi, dik korruzzjoni wkoll!