Il-ħwienet żgħar tal-irħula qegħdin jonqsu.

 Il-ħwienet żgħar tal-irħula qegħdin jonqsu.

Meta kont noqgħod m’ommi, u hawn qiegħed nitkellem fuq is-snin 80 u 90, ta’ kull filgħodu, hija kienet toħroġ kmieni u tibda r-ronda tal-ħwienet biex tagħmel ix-xirja ta’ kuljum. L-ewwel waqfa tkun għand tal-furnar biex tixtri l-ħobż Malti li jkun għadu kemm ħareġ u b’hekk, ikun għadu jaħraq. Wara, kien tmur għand tal-ħaxix għal xirja frott u ħaxix frisk li jkun għadu kemm wasal. Iż-żewġ waqfiet li jmiss kienu jkunu għand tal-gazzetti għall-gazzetta tal-jum u għand tal-merċa biex jinxtraw il-prieżet, il-ġobon u l-affarijiet l-oħra ta’ kuljum. Kienet tiġi d-dar mgħobbija b’dak il-baskett taċ-ċarruta. Wara ftit, hija kienet tiċċekkja fiex wasal tal-laħam u jekk dan ikun naqas, terħilha għal għand tal-laħam. Ma nafx għaliex ħafna ħwienet tal-laħam kienu magħrufa għad-dewmien tagħhom meta tmur għandhom.

Qabel, dawn il-ħwienet kienu qishom każin, speċjalment għall-mara tad-dar li kienet tiltaqa’ ma’ nisa oħra. Fihom, kienu jgħidu kelma fuq dak kollu li kien għaddej u naqra zekzik fuq in-nies tar-raħal ma kienx jonqos.

Insomma, dan kien żmien ieħor u meta ħafna nisa rħewlha għad-dinja tax-xogħol, bdew deħlin fix-xena s-supermarkets. B’hekk, dawn il-ħwienet żgħar ħadu daqqa kbira li ftit forsi ssemmew fil-midja. Illum il-ġurnata, ħafna minn dawn il-ħwienet għalqu u llum ix-xirja ssir mod ieħor.

Kien żmien ieħor, żmien sabiħ ta’ ħajja sempliċi. U inti, tiftakar ħwienet żgħar li għalqu fir-raħal tiegħek?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com