Kienu nxtegħlu, imma llum mitfijin!

 Kienu nxtegħlu, imma llum mitfijin!

Ma nafx taħsbux bħalna li f’pajjiżna, għalkemm kuxjenza dwar il-wirt storiku żdiedet bil-kbir, kuxjenza dwar il-manutenzjoni jew rieda li niġġieldu l-apatija tagħha, donnha qiegħda fil-bogħod sew.

Żmien ilu mhux daqstant fil-bogħod, konna rajna fil-midja lokali l-mixegħla tal-akkwedott tant sabiħ ta’ Fleur de Lys. Min għandu għal qalbu l-istorja, feraħ. Anke l-poplu ħa gost u ammira din l-azzjoni għaliex ngħiduha kif inhi, is-sabiħ kulħadd jaf jarah.

Imma għaliex illum l-akkwedott jinsab mitfi? Inqatgħu l-bozoz li hemm fl-art? Fejn hu l-manutenzjoni tagħhom? Hija ħasra li jkun inawgurat proġett u mbagħad kif jgħid il-Malti ‘Alla m’għamlu.’ Bħal kull ħaġa oħra, kollox irid il-manutenzjoni le? Anke l-ġisem tal-bniedem trid tieħu ħsiebu, aħseb u ara bozza li taqla’ l-elementi kollha tan-natura. Imma la saru għandhom jerġgħu jinxtegħelu inkella aħjar ma jsir xejn.

L-akkwedott ta’ Fleur de Lys imur lura għas-seklu 17, mibni mill-inġiniera tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann bl-iskop li jwasslu l-ilma minn Ħad-Dingli u r-Rabat sal-Belt mibnija ġdida Valletta. Il-perkors tal-ilma kien inawgura fil-21 t’April tal-1615. Il-Binja għadha hemm sal-lum. Id-dawl kien inawgurat ftit ilu, imma m’ għadux hemm sal-lum.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com