Tafu li f’Malta kellna lil King Tom?
Iva sewwa qrajtu … King Tom. Hekk kien il-laqam li l-Maltin kienu taw lil Thomas Maitland; l-ewwel Gvernatur Ingliż li wasal Malta. Tant kien jippretendieha, li l-poplu kien tah dak il-laqam. Kien iridha ta’ re.
Huwa ġie Malta fl-4 t’Ottubru bħal-lum, tas-sena 1813. Kien ukoll Kap Kmandant tat-truppi u l-fortizzi li kellhom jinbnew fuq il-gżejjer Maltin. Iżda rridu niftakru wkoll, li din kienet sena kruċjali u iebsa għalina għaliex f’Mejju tal-1813 kienet faqqgħet il-pest li qatlet ħafna nies. L-ewwel vittma tal-pesta kienet tfajla ta’ 14-il sena u jingħad li din il-marda ddaħlet f’Malta minħabba kuntrabandu tad-drappijiet minn negozjant li kien idaħħal id-drappijiet bil-moħbi. Bla dubju, kienu saru ħafna liġijiet fosthom ukoll il-‘curfew’; ħin stipulat sa x’ħin in-nies etgħu jibqgħu barra. jekk kien jinqabad xi ħadd barra wara l-ħin, kien jiġi arrestat.
Kienu ingħalqu wkoll it-teatri u l-knejjes u t-tqarbin beda jsir bil-virga; bħal ħadida twila fejn magħha kienet titpoġġa l-Ewkaristija fit-tarf ħalli jonqos il-kuntatt dirett bejn uman u ieħor.
King Tom kien strett ħafna u ma riedx jaqa’ għaċ-ċajt mal-kbarat Ingliżi. Bla dubju, il-poplu ma kinux iniżżlu r-regoli li kien għamel, imma dak iż-żmien hekk kien hawn bżonn.