Aħsel il-borma b’inqas stress b’dan il-metodu
L-aħħar ħaġa li jkollok aptit wara li tagħmel xi sagħtejn issajjar hija ġlieda bejnek, l-isponża u l-borma biex tnaddafha mill-biċċiet tal-ikel u z-zalza li nħarqu u weħlu mal-qiegħ.
Hawn min jgħidlek imliha bl-ilma u ħalliha lejl toqgħod. Hawn min jgħidlek itfalha s-sapun tal-platti u ħalliha toqgħod għal ftit ħin. Iżda qatt pruvajt tuża l-melħ biex tagħmel din il-faċenda?
Skond il-kittieba u preżentattriċi Amerikana Martha Stewart, hemm żewġ metodi oħra li jaf jagħmlulek ħajtek ftit aktar faċli meta tiġi biex tagħmel din il-faċenda.
Jekk għandek ħruq sostanzjali fil-qiegħ tal-borma, ibda billi timliha bl-ilma kiesaħ u itfa’ żewġ jew tliet magħref melħ. Ħalliha toqgħod matul il-lejl, jew għal xi 8 sigħat. Qabel ma taħsilha ixgħel il-burner u għalli l-ilma bil-melħ. Wara li jibda jbaqbaq, żvojta l-borma mill-ilma u aħsilha bis-sapun tal-platti, kif tagħmel normalment. Jekk għandek xi marki li baqgħu ftit persistenti, erġa’ għamel il-proċess mill-bidu għal darboħra.
Apparti minn dan il-metodu, hi ssemmi metodu ieħor għal meta jkollok borom jew xi dixxijiet li weħel l-ikel magħhom waqt il-proċess tat-tisjir. Spjegat li għandek timla l-borma jew id-dixx bl-ilma u miegħu iżżid kwart ta’ tazza baking soda jew id-deterġent tad-dishwasher. Itfa’ l-borma jew id-dixx fuq in-nar u itfiha malli jibda jbaqbaq l-ilma. Imbagħad ħalliha toqgħod għal madwar siegħa. Qabel ma taħsilha, aqbad mgħarfa tal-injam jew spatula ratba u ibrox il-partijiet fejn hemm l-ikel imwaħħal. Spiċċa l-proċess billi taħsel il-borma jew dixx bis-sapun tal-platti.
Taf b’xi metodu ieħor? Ibagħtulna messaġġ u għidulna dwaru fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook!