Kif tista’ tonfoq inqas meta tagħmel ix-xirja?

 Kif tista’ tonfoq inqas meta tagħmel ix-xirja?

Ejja ngħiduha kif inhi, sar wisq faċli li tidħol ġo ħanut biex tagħmel ix-xirja tal-ġimgħa bi pjan li tixtri biss dak li hu neċessarju u tonfoq mill-inqas, u minflok toħroġ b’xi kont kontun, u xi erba’ oġġetti żejda. Tiġri darba, darbtejn, tlieta, u l-kont tal-bank jibda jwaħwaħ mhux ftit.

X’inhuma r-raġunijiet għaliex jiġri dan? L-ewwel waħda hija t-tentazzjoni meta tara l-oġġett. Forsi ppjanajt li ma tixtrix ħelu din id-darba, imbagħad, hekk kif wasalt biex tagħmel il-kont tara ċ-ċikkulata favorita tiegħek u tispiċċa taqalek żaqqek għaliha u tgħid “uwijja, ġib waħda ħa!”

It-tieni raġuni hija li meta tibda titfa’ l-affarijiet li trid tixtri fit-trolley, sakemm ma toqgħodx bil-mowbajl f’idejk taħdem is-somma, ma tirrealizzax minnufih x’kont tkun qed ittella’. Allura titfa’ dik il-biċċa ċikkulata €1.50, titfa’ żewġt ifliexken luminata €4 oħra, u minjaf kemm il-oġġett ieħor magħhom u ttella’ l-kont ma’ xi €20 oħra li stajt faddalthom jew użajthom għal xi ħaġa iktar utli!

Mod kif tevita li dan huwa li minflok tagħmel ix-xirja billi tmur fiżikament fil-ħanut, tagħmel ix-xirja tiegħek permezz ta’ app fuq il-mobajl (BOLT/WOLT). Fuq l-app, se ssib kemm mini-markets, kif ukoll supermarkets ewlenin imniżżlin.

Meta tuża l-app, għandek l-opportunità li tfittex dak li għandek bżonn b’inqas ċans li taqa’ għat-tentazzjonijiet. Infatti, jekk tipprepara l-lista tax-xirja tiegħek, tista’ tuża l-funzjonalitajiet apposta li jippermettulek tfittex il-prodott speċifiku li trid, mingħajr ma toqgħod tħares lejn il-prodotti kollha li hemm għall-bejgħ.

Intant, inti u tagħmel ix-xirja tiegħek, se jkollok il-kont dejjem viżibli, allura tinduna kemm tkun se tonfoq qabel ma tiġi biex tħallas. B’dan il-mod, ikun iktar faċli għalik biex iżżomm mal-baġit tiegħek, mingħajr ma tonfoq xi kemxa fuq affarijiet li m’humiex essenzjali għalik.

U jekk dak kollu mhux biżżejjed, wara li tħallas permezz tal-app, minflok titbażwar tqandel ix-xirja biex twassalha mill-ħanut għall-karozza u mill-karozza għad-dar, iwassluhielek sa quddiem il-bieb ukoll!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com