Bdejna nfittxu l-libsa tal-praċett … Kemm se nonfoq?
Donnu din tkun kolossali fil-ħajja tagħna … l-ewwel tqarbina. Huwa avveniment verament sabiħ għalina li nistqarru li aħna Kattoliċi. L-omm u anke l-missier, iridu li uliedhom jidhru l-aqwa u l-isbaħ. Imma x’inhu s-sinifikat ta’ din l-okkażżjoni?
Fl-ewwel Tqarbina nimmarkaw dak il-jum li fih, it-tfal jieħdu sagrament; il-ġisem u d-demm ta’ Kristu u li fi kliem sempliċi, ittiehom il-permess li jibdew jitqarbnu. It-tfal mhux bilfors kollha jifhmu għaliex issa u mhux qabel jew iżjed tard. Imma għalihom, issa se jagħmlu bħall-kbar.
Lil hinn minn dan kollu, nafu wkoll li jintefqu ħafna flejjes bħal donnhom se jiżżewġu; għall-ilbies u għall-festin. Ovvjament, tgħidulna ‘ħallu lil kulħadd jagħmel li jrid’ u hekk hu. Imma ftit ħsieb jgħin biex innaqqsu stress bla bżonn.
Hemm għalfejn jintefqu ħafna flus għal-libsa? Qegħdin nitħawdu l-iskop ta’ din il-ġurnata? Tisma’ anke ġenituri stressjati għax wasal il-praċett! Meta din hija okkażżjoni li suppost iġġib ferħ biss.
Taħsbu li wasal iż-żmien li t-tfal ikollhom kollha libsa bħal xulxin? F’Għawdex issir u jidher li ntlaqat tajjeb. Mhux talli hekk, talli issa ilha fis-seħħ għal numru ta’ snin.