Int tħobb tidher? Kun onest ejja!
Din il-frażi saret ċajta “kemm tħobb tidher!” biex jinkuk għax forsi tkun qed tipprova tiġbed l-attenzjoni imma wara dik li suppost ċajta, hemm il-botta! U kif! Jista’ jkun, u hekk hu ħafna drabi, li min jgħidhielek ikun qed jiġbidlek l-attenzjoni fin fin li qed tipprova turi u tenfasizza li trid tesponi lilek innifsek.
Din il-frażi ma tgħoddx bil-bosta għal dawk li jaħdmu fuq it-televiżjoni għaliex hija ovvja li l-personalitajiet televiżivi jħobbu jidhru, inkella jbiddlu xogħolhom. Imma xorta waħda ssib minnhom li jgħidulek li ma jħobbux jidhru, u li jkunu fuq it-televiżjoni għaliex iħobbu x-xandir u li jieħdu gost iwasslu l-messaġġ tagħhom permezz ta’ dan il-mezz.
Hemm ukoll is-sezzjoni ta’ dawk in-nies li kull ħaġa li jagħmlu, iridu jfakkru lil tal-madwar ‘ara x’għamilt‘ ħalli jieħdu l-applaws jew ikunu rikonoxxuti.
Imbagħad hemm ukoll dawk li jesponu xogħolhom bi ħsieb ta’ promozzjoni futura jew inkella, u din li ġejja hija importanti, biex juru li qed iwettqu, minħabba li l-kollegi tagħhom ma jkunux qed jagħmlu xogħolhom u tibda tiġri l-kelma li ‘dawk ma jagħmlu xejn’… għalhekk ikunu jridu li tinħoloq distinzjoni u juru li huma qed jagħmlu xi ħaġa mhux xejn.
Intom tħobbu tidhru?!