Intom thewdnu żżejjed? Tiġrilkom din?!

 Intom thewdnu żżejjed? Tiġrilkom din?!

Issib min ma jagħti kas xejn u tista’ taqa’ d-dinja għax jersqilha, kif jgħid il-Malti, u ssib min għal kull ħaġa, joħloq storja ġo moħħu. Din mhi faċli xejn. Mhux la kemm taqbad tgħidlu ‘toqgħdox taħseb’ għax il-persuna tkun minnha.

Bl-Ingliż jgħidula overthinking. Din tista’ tkun ikkawżata minħabba numru ta’ fatturi bħal biża’, intolleranza għall-inċertezza, trawma jew inkella, perfezzjoniżmu. Taffettwa ħafna s-saħħa mentali tal-bniedem u twassal ukoll għall-ansjetà u jista’ jkun ukoll dipressjoni. Hemm min jgħidlek “jien hekk inħobb, naħseb ħalli nkun ċert miegħi nnifsi.”

“Tgħid kellimtha sew lit-talija?”, “Tgħid ktibt tajjeb?”, “Tgħid kien rigal sewwa li tajtu? Kien biżżejjed?” U ħsieb wara l-ieħor jattakkaw il-moħħ u ma jħalluk qatt kwiet u kalm.

Jeżsitu eżerċizzji sempliċi bħal ngħidu aħna; tiġġieled miegħek innifsek biex tagħmel dik li jseħulha ‘letting go’, jiġifieri li meta jiġi ħsieb ittajru u ma teħilx miegħu. Kemm hu faċli ma nistgħux nispjegaw. Kull persuna għandha abbiltajiet differenti kif tikkontrolla lil moħħha, u huwa l-moħħ kollox kif jingħad, fejn għandu s-saħħa ta’ kif tħossok u x’taħseb kull jum li jgħaddi.

Issib nies li forsi jsibuha faċli iżjed minn oħrajn u jippruvaw jinfurzaw l-istil tagħhom fuq l-oħrajn. Imma rridu naħsbu hawnhekk, li mhux kulħadd huwa l-istess.

Li taħseb ħafna mhix xi marda. Biex tipprova tibbilanċja, tista’ tipprova titkellem miegħek innifsek u tgħid bħal per eżempju: “Għamilt li stajt”, “S’hemm kont kapaċi nasal u naċċetta dan”, “Dak flaħt nixtrilu rigal, il-qalb kollox”… dawn il-ħsibijiet pożittivi jgħinuk tħossok aħjar.

Għidulna x’taħsbu!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com