Ir-rata tad-divorzju fid-dinja … Malta fejn tikklassifika?

 Ir-rata tad-divorzju fid-dinja … Malta fejn tikklassifika?

Ir-rata tad-divorzju tvarja minn pajjiż għall-ieħor. F’dawn l-aħħar 10 snin jidher li d-divorzju żdied sew fid-dinja. Skont iċ-ċentru tar-riċerka Pew, nofs iż-żwiġijiet fl-Istati Uniti jispiċċa f’divorzju fejn dan żdied b’25% mis-snin sittin.

Hekk qed jiġri wkoll fl-Ewropa. Ir-raġunijiet huma varji fejn fost l-aktar fatturi li jissemmew insibu; l-istress, in-nuqqas ta’ kompatibilità soċjali, abbuż mid-droga jew alkoħol u sess ma’ terzi. Il-flus huma wkoll kaġun ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-koppji. Bħal f’kollox, ir-raġunijiet ivarjaw u kull storja tista’ tkun differenti minn oħra.

Fil-Maldivi, jidher li hemm l-għola rata ta’ divorzju fid-dinja fejn insibu 5.5 każ ta’ divorzju għal kull elf persuna.

L-inqas rati ta’ divorzju nsibuha fil-Vjetnam, fi Sri Lanka, fil-Peru, u Malta tidħol ukoll hawnhekk fejn ir-rata tad-divorzju f’pajjiżna skont din ir-riċerka timmarka 0.5 każijiet għal kull elf persuna.

Il-Vjetnam għandu l-inqas rata ta’ divorzju fil-pajjiż b’0.2 każijiet għal kull elf persuna. Din iċ-ċifra hija impressjonanti anke meta l-popolazzjoni tal-pajjiż tammonta għal madwar 97 miljun persuna. Jidher li koppja tagħżel li tibqa’ flimkien flok tinfired, mhux biss, iżda f’dan il-pajjiż insibu l-akbar rata ta’ żwiġijiet. Il-kultura tal-Vjetnam tenfasizza ħafna l-valur tal-familja u ż-żwieġ jitqies bħala mezz li jżomm il-faqa ‘il bogħod mill-familja. Iżjed minn hekk, id-divorzju jitqies bħala xi ħaġa ħażina tant li min jitħajjar għad-divorzju jiġi mhedded minn esklużjoni soċjali.

Sommarju qasir biex nifhmu sewwa dak li jikkonċerna lil pajjiżna, Malta tikklassifika fil-110 post; jiġifieri l-ħames mill-aħħar fejn il-Vjetnam huwa fl-aħħar post ta’ nies li jfittxu d-divorzju.

Toħduhiex tajjeb jew le, inħallu f’idejkom taraw il-bżonnijiet, il-viżjoni, u l-opinjonijiet tagħkom. Hemm min jieħu gost u japprezza li almenu f’Malta, il-valur tal-familja għadu b’saħħtu. Min-naħa l-oħra, min hu mġarrab jgħidlek li rrikorra għad-divorzju għax hekk kien meħtieġ mhux għax ma jħobbx il-familja u ma setax jagħmel mod ieħor; aħjar hekk milli jsofri jew ibati. Suġġett dibatibbli dejjem. M’Aħnhiex se nidħlu fih. Xtaqna biss naqsmu magħkom il-kontenut ta’ din ir-riċerka.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com