Li torqod fuq is-sufan huwa ħażin għal saħħtek? Aqra dan u ara x’int tagħmel!
Spiss inkunu qed naraw xi film fuq is-sufan u tispiċċa tmur għajna bina. Tiġik naturali u komda. Fil-verità, l-aħjar raqda hija dejjem fis-sodda fejn rasek tkun mimduda fuq imħadda ħalli l-piż ta’ ġismek jitqassam b’mod ugwali mat-tul tiegħek.
L-ewwelnett, huwa veru u minnu li meta nkunu ma nifilħux, inħossuna iżjed komdi fuq sufan milli fuq sodda għal bosta raġunijiet. Anke minħabba l-fatt li fis-sodda kapaċi nissaħħnu iżjed u nħossuna rritati mimdudin.
Min ibati bl-insomnia; jiġifieri problema biex jorqod, spiss jirraġuna li se jipprova jara tmurx għajnu bih fuq is-sufan l-ewwel imbagħad jimxi għas-sodda. Ħeqq, imbagħad hekk tidra. U biex timxi għas-sodda terġa’ ttajjar in-ngħas kollu. Jiġifieri ħudu ħsieb dwar din!
Li torqod fuq is-sufan kapaċi jaffettwak b’mod negattiv fil-kura tas-saħħa tiegħek, l-għonq u d-dahar jidraw f’pożizzjonijiet li dak il-ħin tħosshom komdi, imma tbati bihom iżjed ‘il quddiem. Li tgħawweġ għonqok speċjalment jekk qed tara xi film sakemm tkun fuq is-sufan imbagħad torqod hemm, kapaċi jwasslu għal slip disc.
Jekk qed jagħmlu hekk it-tfal żgħar tiegħek; dan ukoll fih x’wieħed irid joqgħod attent dwaru. It-tfal kapaċi jidraw hekk tant li jibqgħu jkunu jridu jorqdu fuq is-sufan meta jikbru. Irridu niftakru li finalment, mhux kulħadd l-istess. Filwaqt li ssib min ikun strieħ sew fuq is-sufan, issib ħafna li jkollhom effetti negattivi maż-żmien. Is-saqajn imdendla mis-sufan, ukoll ta’ min wieħed jaħseb fuqhom. Is-saqajn iridu jistrieħu huma wkoll … u żgur li mdendlin mis-sufan mhux tajjeb għalihom.
Jekk imbagħad trid tkompli tagħmel hekk, aħseb ftit dwar dawn li ġejjin:
- Li jkollhom sufan komdu tassew
- Li jkollok imħadda komda mhux sempliċiment cushion
- Li tkun mgħotti kif suppost kontra l-kesħa naturali tal-lejl
- Li jekk se tqum u tmur torqod fis-sodda, iżżomm l-istess ħin ħalli ġismek jidra konformità
- Ara li t-televiżjoni jintefa waħdu ħalli ma tidrax torqod bil-geġwiġija fl-isfond.
Ir-raqda t-tajba! Raqda tajba qatt mhi kapriċċ.