Għadhom komuni problemi mal-kunjati?
Tant kienet komuni qabel, li ħafna komiċi kienu jiċċajtaw biha u anke ħarġu kanzunetti fuqhom. Il-Famuża kunjata. Donnu li dejjem kienet iddur mal-istorja dwar kif ir-raġel irid jara li jmur tajjeb mal-kunjata tiegħu. Ftit smajna bil-kontra. Mhux għax ma ġrawx imma hekk kienet l-istorja l-iżjed popolari.
Is-sitwazzjoni tkun fejn ir-raġel jipprova jilħaq l-aspettativa tal-kunjata; jara li jkun qed jaqdi dmirijietu lejn bintha kif mistħoqq u li jġibilha rispett.
Għalkemm dawn kienu jingħaddu bħala stejjer taċ-ċajt biex idaħqu, ġraw. Għadhom jiġru? Mela m’għadhomx. Issib ukoll bil-mod oppost, fejn il-mara trid tara li tinżel tajjeb mal-kunjata inkella ħoll xagħarek u ġib iż-żejt.
Kunjata li tkun xi ftit protettiva żżejjed fuq ulieda, kapaċi toħloq konfronti bejn il-koppja. Għalhekk il-parir ikun dejjem biex il-kunjati jżommu posthom u anke ma jindaħlux fl-inkwiet ta’ bejn il-miżżewġin.
F’każijiet hekk, irid ikun hemm il-paċenzja u l-fehma u jkunu evitati botti bejn il-koppja fuq il-kunjati rispettivi.
Li jsir taqbil bejn ġenituri ta’ naħa mal-oħra huwa ħażin. Trid tiftakar li kapaċi l-ambjenti u ħajjithom kienu differenti minn ta’ xulxin.
Irid ikun hemm il-fehma wkoll tal-età u d-differenza fil-ġenerazzjoni.
Importanti iżda, li l-kunjati jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-koppja għaliex ħajjithom kienet differenti minn tagħhom. Iż-żmien hu kemm hu differenti, ukoll għandu ċirkostanzi differenti.
M’hemm xejn isbaħ mid-djalogu u s-serenità.