Għaliex jgħidu li tista’ tiekol il-kwareżimal fir-Randan?
Jekk aħna l-Maltin ninqalgħu għal xi ħaġa hija li għal kull tip ta’ okkażjoni naraw x’tip ta’ ħelu se nivvintaw. Diversi riċetti adottajnihom minn kulturi oħra, u oħrajn ħloqnihom aħna matul is-snin. Fost il-ħelu Malti hemm il-gallettina magħrufa bħala kwareżimal li hija gallettina tipika għal żmien ir-Randan.
Fost l-ingredjenti li wieħed juża’ biex jagħmel il-kwareżimal hemm id-dqiq, qxur tal-kannella, għasel tal-ħarrub, ilma żahar, lewż midħun u zokkor. Jingħad li r-riċetta tal-kwareżimal inħolqot lura fi żmien il-Kavallieri. Dak iż-żmien is-sawm kien jittieħed b’ħafna aktar serjetà mil-lum, iżda minħabba li din it-tip ta’ gallettina kienet issir mingħajr bajd jew butir, kienet tkun permessa li tittiekel fi żmien ir-Randan. Dak iż-żmien, il-bajd u l-butir kien jintqies bħala ikel li m’għandux jintmiss waqt ir-Randan!
Iżda jekk ħsibtu li din it-tip ta’ gallettina ma tinkludix fiha z-zokkor, mela kontu żbaljati! Għal dawk li ma jafux ir-riċetta tal-kwareżimal, kif diġà semmejna, wieħed mill-ingredjenti tagħha huwa infatti z-zokkor. Allura, jekk inti fir-Randan trid telimina l-ħelu u z-zokkor kollu bħala sagrifiċċju, mela l-kwareżimal għandu jmur ukoll fuq il-lista ta’ ħelu li m’għandekx tiekol.
Imma allura, wieħed jistaqsi, dak iż-żmien meta s-sawm u l-astinenza kienu ta’ daqshekk aktar prominenza, kif kienu jieklu l-kwareżimal? Jidher li f’dawk iż-żminijiet, iz-zokkor seta’ jittiekel għax kien meqjus bħala wieħed mill-ħwawar, allura ma kienx jintqies bħala ħelu u b’hekk seta’ jittiekel.