Il-karnival spontanju ta’ Ħal Għaxaq
Reġa’ wasal. Kien hemm żmien fejn intesa u l-karnival tan-Nadur sar popolari ferm. Maż-żmien f’Ħal Għaxaq reġa’ beda jsir bil-pompa, il-karnival spontanju Għaxqi tant li reġa’ ġibed lejh l-ammiraturi tiegħu u nistgħu ngħidu li jħabbatha sew fl-istil ma’ dak tan-Nadur.
Fi Pjazza Santa Marija jsiru tliet ijiem ta’ briju, xalar u tbaħrid fost il-folla ta’ maskarati timbotta l’hinn u l’hawn u tittanta x-xemx għaddejja. Ir-raħa kwiet li jqum fil-festi ta’ Santa Marija u San Ġużepp, jerġa’ jieħu l-ħajja fil-karnival.
Il-maskarati jieħdu l-kontroll tar-raħa f’idejhom u min liebes ta’ ħaġa u min ta’ oħra u ħalli l-għors tan-nies jippruvaw jaqtgħu min hi dik u min hu l-ieħor u saħansitra jgħajtulhom bil-laqam.
Il-maskaruni jilbsu b’mod iżjed grottesk u jkollhom bħal diminuzzjoni ta’ karru mwaħħad magħhom; daqqa xi paradoss tal-ħajja, daqqa xi sitwazzjoni li tkun qed tiġi diskussa attwalment fil-pajjiż, xi kontradizzjoni u forsi anke xi skandlu. Taħlita ta’ kruhat u sbuħija f’festa orgażmanti ta’ kuluri brijużi kif jaf joffri l-karnival.
Dan jiġbed ħafna turisti wkoll lejn dan ir-raħa sabiħ u qed isir niċċa li tappella għat-turisti li saru jżuru lil pajjiżna matul is-sena kollha.
Piero del Ponte kien il-Granmastru li ta lok biex jibda l-karnival fil-Belt Valletta iżda qajla nafu kif beda sewwa sew f’Ħal Għaxaq.
Malli jdoqqu nofs illejl mit-tokki tal-qniepen fil-kampnar tal-Knisja, il-pjazza tiżvojta bil-mod u l-burdellużi jinġabru f’daharhom jaħsbu fuq dnubiethom għaliex issa beda r-Randan. Tgħid Alla jaħfrilhom?