Illum il-festa tal-Gandlora – festa antika u użanza
Din il-festa tfakkar il-’Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju. Skont il-liġi Ebrajka l-ewwel wild kellu jkun ippreżentat fit-tempju wara erbgħin jum mit-twelid tiegħu. Il-Knisja Kattolika tiċċelebraha fl-ewwel ħadd ta’ Frar.
Il-jum propju tagħha huwa t-2 ta’ Frar u tirrappreżenta lil Kristu bħala d-dawl il-ġdid, li bit-twelid tiegħu kien qed isalva lid-dinja. Fil-fatt, f’din iċ-ċerimonja li ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, isir it-tberik tax-xema’. Ix-xemgħat ikunu ta’ kulur safrani/oranġjo għax magħmul mill-għasel.
Fi żmien il-Kavallieri u anke iżjed tard, fi żmien l-Ingliżi, din il-festa ingħatat tifsira soċjo politika.
Hawnhekk kienet issir referenza għas-sitwazzjoni politika lokali, u għall-problemi u l-isfidi tal-pajjiż kif ukoll il-Gvernatur kien jitkellem dwar xi proġett partikulari li l-gvern ikun bi ħsiebu jwettaq. Dan kien isir ukoll bi skop fejn irridu niftakru li l-Ingliżi kienu protestanti u għalhekk, raw kif għamlu biex iżommu relazzjoni tajba mal-Knisja Kattolika f’Malta li kellha saħħa kbira fuq il-poplu. Baqgħet issir saħansitra sa wara li Malta ħadet l-Indipendenza imma din li l-kleru jiltaqa’ mal-Kap tal-Istat, issa l-president, twaqqfet fl-1975.
Ir-riċerkatur Martin Morana li kiteb ħafna fuq il-kultura u l-istorja Maltija kien spjega wkoll superstizzjoni f’Għawdex marbuta mal-festa tal-Gandlora bl-isem ta’ L-ors tal-Gandlora. Jingħadd li kienu jemmnu li f’jum il-Gandlora, mill-għolja tal-Gelmus kien jinżel mostru, bħal ors kbir immens, li kien jerħilha lejn ir-Rabat. Jekk dan kien isib it-triq imxarrba, mela x-xitwa għadha ġejja, jekk isib it-toroq xotti, mela x-xitwa għaddiet. Kien hemm min jgħid li dan il-mostru kellu ħabta jibla’ t-tfal. (Anton F. Attard, 2002).