Kif għandek tpoġġi meta tkun quddiem il-kompjuter?

 Kif għandek tpoġġi meta tkun quddiem il-kompjuter?

Jekk inti t-tip ta’ persuna li malli tpoġġi quddiem il-kompjuter tibda tintelaq u tintelaq sakemm dahrek jiġi qisu tal-hunchback of Notre Dam, mela dan l-artiklu huwa s-soluzzjoni għalik.

Is-siġġu

Li jkollok siġġu tajjeb u li tpoġġi fuqu sew huwa kruċjali għal persuni li jagħmlu tul ta’ ħin quddiem il-kompjuter ta’ kuljum. Meta tpoġġi għandek tara li ġenbejk tpoġġihom fuq wara nett tas-siġġu. Għandek tara li l-għoli tas-siġġu jippermettilek li saqajk ilaħħqu mal-art u li rkuptejk huma jew fl-istess livell jew ftit l-isfel minn ġenbejk. Intant id-dahar tas-siġġu għandu jkun angolat bejn 100°-110° u li dahrek għandu s-sapport neċessarju kemm fil-parti ta’ fuq, kif ukoll fil-parti t’isfel.

Il-kompjuter

Intant, għandek tara wkoll li l-pożizzjoni tal-kompjuter jew l-iskrin li qed tuża’ għax-xogħol tiegħek jitpoġġa f’pożizzjoni ideali. L-iskrin għandu jkun iċċentrat, direttament quddiemek u eżatt fuq it-tastiera. L-iskrin għandu jitpoġġa ftit ‘il fuq minn fejn jaqgħu l-għajnejn malli tpoġġi bilqiegħeda. Intant, għandek iżżomm madwar metru ‘l bogħod mill-iskrin. Ara wkoll li ma jkollokx riflessjonijiet li ġejjin mit-twieqi jew dwal oħrajn fuq l-iskrin għax dawn iwassluk sabiex tersaq aktar viċin u tibdel il-pożizzjoni tiegħek mingħajr ma tinduna.

Pawżiet frekwenti

Għandek tara wkoll li tieħu pawżiet frekwenti ta’ minuta jew tnejn kull nofs siegħa. Wara siegħa xogħol għandek tara li tibdel ftit dak li tkun qed tagħmel għal bejn 5 u 10 minuti. Intant, ipprova dejjem qum minn quddiem il-kompjuter malli jasal il-ħin tal-brejk. Dan jgħin sabiex tagħti wkoll pawża lill-għajnejn kif ukoll terġa’ taġġusta l-postura tiegħek malli tmur lura mad-desk tiegħek biex tkompli għaddej bil-ħidma.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com