Kif kienu jiltaqgħu l-għarajjes dari?

 Kif kienu jiltaqgħu l-għarajjes dari?

Kemm għadda ż-żmien għal dan. Illum tibgħat messaġġ u ftit wara tista’ jkollok date. Il-midja soċjali għamlitilna l-ħajja iżjed faċli, jekk tista’ tgħid hekk.

Qabel imma kien hemm iżjed għors f’dawn il-mumenti. “Ħdejn tal-ħalib il-Belt” jew “ħdejn il-funtana nkun nistenniek” … hekk kienu jifthemu l-koppji u kulħadd jippassiġġa fi Triq ir-Repubblika ‘l fuq u l’isfel sakemm jagħmlu trinka.

Imbagħad jidħlu jaraw xi film, jixtru xi borża karawett minn dak il-bejjiegħ bil-bixkilla u jekk Alla jħobbok, tfaqqa’ l-ewwel bewsa.

Imbagħad kien ikun hemm il-famuż chaperon; l-oħt jew ħu xi ħadd mill-koppja li toħroġ mal-koppja u jkunu mibgħuta mill-ġenituri biex jaraw li l-għarajjes ma jabżux il-limitu. Mur għidha llum din!

Forsi relazzjoni kienet tieħu iżjed fit-tul imma studji diversi juru li l-psikoloġija tal-bniedem, meta xi ħaġa ddum taħdem għaliha bil-mod, isservi iżjed. Qed ngħidu għar-relazzjoni.

Illum sirna ħriġna ma’ xi ħadd u l-għada bdilnieh? Sirna mal-ewwel intopp inqalftuhom ‘il barra?

Mela ma nistennewx hekk illum … jekk jista’ jkun mal-ewwel date inqattgħu lil xulxin u nsiru għoqda. Dak il-gost.

(Bħal dejjem, qatt ma niġġeneralizzaw. Huma biss ħsibijiet ta’ fatti li jiġru fi żmienna.)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com