Kif tinduna li miżżewweġ?
Għalkemm hija sitwazzjoni verament kerha meta taħseb dwarha, ir-realtà turi li kien hawn diversi rġiel (u anke nisa biex inkunu ċari!) li jfittxu relazzjoni sekondarja waqt iż-żwieġ tagħhom. Filwaqt li ħafna artikli ġeneralment jgħinu lill-persuna li tkun qed tiġi tradita, ħafna jinsew li hemm diversi każi ġenwini ta’ nisa jew irġiel li jispiċċaw fuq in-naħa l-oħra tal-affari mingħajr qatt ma basru. Ħafna drabi persuna li jirnexxielha taħbi relazzjoni sekondarja minn persuna li qed tgħix magħha, tkun kapaċi wkoll taħbi ż-żwieġ tagħha mill-persuna sekondarja li tkun qed tiffrekwenta.
F’dan l-artiklu, aħna ta’ Strada Rjali se nippruvaw ngħinukom tiskopru jekk dak jew dik li qed toħorġu magħhom hux diġà miżżewweġ jew miżżewġa!
- M’għandhomx preżenza fuq il-midja soċjali
Filwaqt li fid-dinja tal-lum hawn il-moda tal-perjodi tas-social media detox, din tista’ sservi bħal skuża ħelwa u komda għal dawk il-persuni li għandhom xi ħaġa x’jaħbu. Jekk m’għandhomx Facebook jew Instagram, mhux daqshekk faċli għalik tiskopri b’xi ritratt tagħhom mar-raġel jew mara tagħhom le? Ovvjament, mhux kull każ huwa l-istess, imma jekk barra mir-relazzjoni tagħkom ma taf xejn aktar dwarhom, mela hemm xi ħaġa li mhix f’posta.
- Il-ħinijiet li jkunu x-xogħol m’humiex fissi
Jekk meta tistaqsihom x’inhu x-xogħol tagħhom u r-rutina tax-xogħol kif taħdem u r-risposta tagħhom tkun vaga għall-aħħar, hemm xi ħaġa stramba. Filwaqt li hawn min jaħdem ħinijiet irregolari, dejjem se ssib xi tip ta’ stabbilità. Jekk tibda ssibha diffiċli tifhem fejn jaħdem u l-ħinijiet tax-xogħol, jista’ jkun li dan għandu relazzjoni prinċipali oħra!
- Jitlobuk iżżomm ir-relazzjoni tagħkom privata
Jekk tirrispetta u tħobb persuna, mela m’għandekx tistħi turi li qiegħed magħha, le? Jekk jitolbuk taħbi r-relazzjoni tiegħek magħhom, mela sinjal għax għandhom xi ħaġa x’jaħbu. Sakemm ma jtukx raġuni valida u li hemm provi ċari għaliha, mela jista’ jkun li ma jridux juru biex ma jidħlux fi problemi oħrajn, bħal li jsir jaf jew issir taf il-partner oriġinali tagħhom.
- Ma tiltaqgħux daqshekk ta’ spiss għalkemm titkellmu b’mod frekwenti
Jekk issibha diffiċli biex issib ħin normali biex tiltaqgħu u r-relazzjoni tagħkom bħal donna hija aktar onlajn milli fiżika mela jista’ jkun ukoll li għandhom relazzjoni oħra li tirrikjedi aktar attenzjoni u preżenza. Ngħiduha kif inhi, jekk joħorġu miegħek is-Sibt filgħaxija u jħallu l-mara jew ir-raġel id-dar waħedhom, se jibdew jissuspettaw fihom le? Allura aktar faċli jsibu skuża lilek milli lilhom.
- Ma jridux jgħidu dwarek lanqas lill-familja u lil sħabhom
Jekk jitolbuk biex iżżommu r-relazzjoni tagħkom sigrieta u lanqas biss jgħidu lill-familja tagħhom jew lil sħabhom dwarek, mela wkoll għandna l-inkwiet. Ir-raġuni hawn ġeneralment tkun li jekk jintroduċuk jinqabdu li jkunu qed jittradixxu lill-mara jew lir-raġel tagħhom u allura, iżommuk moħbi, għax eħfef.
Jekk issir taf li r-raġel jew il-mara li qed toħroġ magħhom għandhom relazzjoni oħra, il-parir tagħna huwa wieħed: temm ir-relazzjoni, tal-inqas sakemm tkun fiċ-ċert li r-relazzjoni l-oħra tagħhom tkun intemmet. Ħaqqek aħjar milli jħarsu lejk bħala dik jew dak li kissret ir-relazzjoni ta’ koppja, anke jekk fl-aħħar mill-aħħar, it-tort ma kienx tiegħek!