Qatt jgħaddulek kummenti strambi għax ma tixrobx alkoħol?

 Qatt jgħaddulek kummenti strambi għax ma tixrobx alkoħol?

Jekk inti t-tip ta’ persuna li meta toħroġ għal drink ma’ sħabek tiddeċiedi li tieħu xi ħaġa mhux alkoħolika, probabli xi ħadd jgħidlek “uwajma! Bis-serjetà?” Imbagħad, xi ħaddieħor jieħu għalih daqs li kieku offendejtu bir-razza u r-radika.

Minn ċkunitna nitilgħu naħsbu li meta nikbru se nkunu nistgħu nixorbu l-alkoħol, għax dik hija xi ħaġa tal-kbar. Infatti, mal-ewwel opportunità li nsibu nippruvaw din il-ħaġa li kienet ipprojbita għalina meta konna iżgħar. Probabli, l-ewwel drink kemmxilna xuftejna, imma niżżilnieh, għax hekk jagħmlu “n-nies normali, in-nies adulti”.

Eventwalment, aktar kemm nixorbu, aktar insiru familjari mat-togħma differenti tal-alkoħol u l-effett li jagħmel, li jġiegħlek tara l-ħajja b’mod aktar vibranti għal ftit ħin. Iżda nafu wkoll bl-effetti koroh li joħorġu minn xorb eċċessiv u esaġerat li jsabbtek u jkissirlek il-ġurnata ta’ wara b’xi hangover u stonku mdardar li kemm kemm iħallik tniżżel tazza ilma.

L-ewwel effett sekondarju

Meta xi persuna adulta tiddeċiedi li ma tridx tmiss aktar mal-alkoħol, tibda tara n-nies madwarha jkemmxu xuftejhom u jgergru għax “ħriġna biex nieħdu gost u ma tridx tipparteċipa”. Bħal li kieku biex tieħu gost hemm bżonn issir patata. Oħrajn jistaqsuk il-permess, “isma’ orrajt għalik jekk nordna tazza inbid?” Bħal qisek tiddeċiedi inti x’jitfgħu fl-istonku tagħhom! Intant, ikun hemm min jaħseb li qed tiġġudikahom għax ma tixrobx u huma jixorbu.

It-tieni effett sekondarju

L-ewwel effett sekondarju jwassal għat-tieni wieħed: li titlef xi ħbiberiji. Speċjalment ta’ xi grupp ta’ ħbieb li l-idea ta’ ħarġa tagħhom kienet li ssir patata. Jekk inti tiddeċiedi li ma tieħux dak l-element li jwasslek għall-istadju ta’ patata mela allura aktar faċli li jaqtgħuk barra għax “m’għadx fik pjaċir”. Iżda dan iwassal għal effett sekondarju ieħor.

It-tielet effett sekondarju

Dan l-effett sekondarju huwa li anke jekk dawn il-ħbieb li jixorbu ħafna, ma jaqgħtukx ‘il barra, probabbli inti ma tibdiex tħossok komdu magħhom. Ġeneralment, għax tibda tinduna li jekk ma tkunx taħt l-effett tal-akoħol, m’hemmx ħafna affarijiet li verament għandek komuni magħhom. L-effett tal-akoħol ħafna drabi jgħollik qabel ma eventwalment isabbtek. Iżda jekk inti tordna xi sparkling water, mela dan l-effett mhux se jirnexxielek tħossu u tispiċċa tgħajja qabel kulħadd u titlaq kmieni.

Ir-raba effett sekondarju

Eventwalment tibda tħossok stramb u tibda tisma’ ċertu paroli minn wara darek, għax min jgħid li inti tqila, min jgħid li forsi mradt, min jgħid li sebaħ u min jgħid li dalam!

Wara kollox, trid tkun kuraġġjuż u ma tħallix il-paroli tan-nies jaffettwa d-deċiżjonijiet personali tiegħek. Ħajtek hija waħda u inti l-padrun tagħha, iddeċiedi inti għalik innifsek u tħalli lil ħadd jiddettalek x’għandek tagħmel biex tkun “aċċettat bħala parti mill-grupp”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com