Toqgħod fuq li jgħid ħaddieħor jew tivverifika?

 Toqgħod fuq li jgħid ħaddieħor jew tivverifika?

In-nies titkellem. Fil-verità, ngħidu “in-nies tparla.’ U kif! kienet anke karratteristika tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, li tixbaħ ukoll ħafna l-karattru Sqalli. Li ngħidu fuq in-nies u n-nies jgħidu fuqna. Saħansitra, tibqa’ popolari l-idea ta’ persuna wara l-persjani tissindika biex tikseb xi informazzjoni ħalli ssir taf.

Jiġri, li storja minn fomm għall-ieħor tinbidel. Tiddawwar u tieħu sura oħra. Dan bħal meta konna nilagħbu telefon fl-iskola, fejn tal-ewwel joħloq sentenza u jgħidha f’widnejn l-ieħor, u l-ieħor, u l-ieħor … dejjem tingħadd minn fomm għall-widna b’ripetizzjoni fejn sakemm tasal għand l-aħħar student, kienet tinbidel il-verżjoni u kulħadd kien jinfaqa’ jidħaq.

Imma fil-verità, hekk jiġri … bħal-logħba tat-telefon fl-iskola. Bid-differenza li jista’ jkun hemm konsegwenzi kbar fejn storja biex tgħaddi minn fomm għall-ieħor tinbidel ħafna u kapaċi toħloq ħsara rreparabbli.

Sta għalina li nivverifikaw flok nistagħġbu, niskandalizzaw u mmorru nxandruha. Ma ninsewx, li kif nagħmlu, jagħmlulna. Kapaċi llum int qed tgħid fuq ħaddieħor fuq storja li mhix eżatt kif qed tgħidha, u għada se tiġri lilek.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com