Waslet l-elezzjoni – Fl-interess tiegħek li tiċċekkjaw dawn … aqra iżjed

 Waslet l-elezzjoni – Fl-interess tiegħek li tiċċekkjaw dawn … aqra iżjed

Hekk kif toqrob elezzjoni, isiru r-reviżjonijiet tar-reġistri elettorali.

Fil-fatt, il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali qed tinforma li d-data tal-għeluq għar-Reġistri Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti li jmisshom ikunu ppubblikati f’April hija l-31 ta’ Marzu, 2024.

Dawk kollha ta’ nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 16-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’Ottubru 2023, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji.

Interessanti li ċittadini Brittaniċi huma eleġibbli li jkunu reġistrati bħala votanti fir-Reġistru Elettorali għall-Kunsilli Lokali biss.

Huwa fl-interess tal-votanti rreġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ Ottubru 2023 huma korretti: l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità tagħhom iridu jkunu jidhru sewwa f’dawn ir-reġistri.

Il-votanti jridu jinfurmaw lill-Uffiċċju Elettorali bit-tibdil u korezzjonijiet oħra.

Aktar informazzjoni ssibuha fuq il-websajt tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) taħt is-sezzjoni “MISTOQSIJIET”.

L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta Agency, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi l-applikazzjonjiet iridu jaslu għand il-Unit tal-Espatrijati, Castagna Building, Triq il-Wied, L-Imsida jew Residence Card Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex,

SA MHUX AKTAR TARD MILL-31 TA’ MARZU, 2024.

Tħallux għall-aħħar!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com