Ġirja ta’ 100 km b’riżq il-Caritas – L-eks plejer Miguel Mifsud jaqsam l-esperjenza tiegħu

 Ġirja ta’ 100 km b’riżq il-Caritas – L-eks plejer Miguel Mifsud jaqsam l-esperjenza tiegħu

Rebbaħ lill-Hibs biex jirbħu l-premier legaue Malti, lagħab ma’ Sliema Wanderers, ma’ Bormla fejn twieled u trabba u saħansitra mat-Tim Nazzjonali Malti – Miguel Mifsud għadda mill-esperjenza tad-droga. Imma llum huwa rijabilitat, grazzi għall-Caritas Malta.

Fuq is-sit tagħha, Caritas Malta ħabbret dettalji ta’ ġirja ta’ 100km li se ssir b’risq din l-organizzazzjoni. F’dawn l-aħħar xhur Caritas Malta minbarra l-attivitajiet ta’ fundraising li torganizza, tħeġġeġ wkoll individwi jew kumpaniji jorganizzaw xi attività b’risq Caritas Malta li tagħti s-servizzi tagħha kollha bla ħlas fis-soċjetà.

Fis-7 ta’ April li ġej, Miguel Mifsud, fl-età ta’ 44 sena, se jkun qed jagħmel ġirja ta’ 100km madwar il-kosta ta’ Malta fejn se jibda fl-4 ta’ filgħodu minn ħdejn il-kappella ta’ Ħad-Dingli, jgħaddi mill-Imġarr, Għajn Tuffieħa, Xemxija u mal-kumplament tal-kosta ta’ Malta sakemm jasal fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas.

Miguel għamel żmien ta’ riabilitazzjoni f’dan iċ-Ċentru Terapewtiku biex jikseb ħajtu lura snin jiddependi mid-droga.

“Mill-mewt għall-ħajja – hekk niddiskrivi l-ħajja tiegħi, u dan grazzi lil Caritas li dejjem kienet lesta tilqagħni u tgħini bil-bieb miftuħ beraħ. Jien kont tlift kollox u llum grazzi għal min jemmen fija, speċjalment il-mara li dejjem kienet hemm għalija u t-tfal, għandi l-opportunità li nagħti lura lil Caritas Malta li tant irċevejt mingħandha. Permezz ta’ din il-ġirja rrid nuri kemm hu importanti l-isports għax jagħmlek persuna li tikkommetti b’mod pożittiv, dixxiplina fuqek innifsek u wkoll determinazzjoni ta’ fejn trid tasal” qal Miguel Mifsud filwaqt li rringrazzja ħafna lil Fabio Spiteri ta’ Team Fabio, fejn bħala kowċ tiegħu se jwasslu biex jagħmel din il-ġirja ta’ 100km.

Intom tistgħu tagħtu donazzjonijiet f’kont apposta ta’ BOV bl-isem Giving Back Run fuq IBAN: MT60VALL22013000000050020756300

Ara: https://www.facebook.com/watch/?v=1491750698071913

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com