X’inhuma l-films li qed jaraw l-aktar il-Maltin fuq Netflix?

 X’inhuma l-films li qed jaraw l-aktar il-Maltin fuq Netflix?

Iktar kemm taqa’ kesħa filgħaxija, bil-wisq inqas ikollok aptit toħroġ mid-dar. Hija normali għalina l-Maltin li fi tmiem il-ġimgħa nintefgħu fuq is-sufan, b’xi borża popcorn jew naqra crisps u nibdew infittxu fuq Netflix sakemm nagħżlu xi film li jinteressana. Iżda liema huma l-10 films li l-aktar qed jaraw il-Maltin f’dan iż-żmien?

 

1. The Devil Wears Prada

Film klassiku li minkejja li ilhu li ħareġ mill-2006 għadu jiddomina d-dinja tal-films sal-lum! F’dan il-film insegwu l-ħajja ta’ Andy (Anne Hathaway), ġurnalista żagħżugħa li għadha tiggradwa. Hi vvjaġġat lejn New York u bdiet taħdem bħala assistenta għal waħda mill-ikbar u l-aktar edituri ċiniċi fid-dinja tal-moda, Miranda Priestly (Meryl Streep).

2. Despicable Me 3

Fit-tieni post hemm il-film Despicable Me 3 li ħareġ lura fl-2017. Dan il-film huwa t-tielet minn serje li jirrakkonta l-istorja ta’ meta Gru jiskopri li għandu ħuh tewmi li jismu Dru. Minn hawn, Gru jibda jiskopri aktar dwar il-passat tiegħu, inkluż min kien missieru!

3. POMS

It-tielet film fil-lista jġib l-isem ta’ POMS u ħareġ lura fl-2019. Il-film isegwi l-istorja ta’ Martha li marret tgħix f’komunità ta’ persuni rtirati. F’din il-komunità hi ddeċidiet li tibda tim taċ-cheerleading għal anzjani li għandhom iħossuhom żgħar.

4. Brian Banks

Il-film Brian Banks isegwi l-istorja ta’ futboler li spiċċa l-ħabs jiskonta sentenza għal kriminalità li ma wettax hu. Wara li ngħata l-ħelsien proviżorju, huwa jibda jikkumbatti sabiex inaddaf ismu ħalli jkompli jsegwi l-ħolma tiegħu li jilgħab fl-NFL.

5. Minions

Qisna xi ftit iffissati bil-Minions hawn Malta…tgħid għalfejn? Jidher li Despicable Me 3 ma kienx biżżejjed tant li anke Minions huwa film f’din il-klassifika ta’ Netflix għall-Maltin. Dan il-film ħareġ lura fl-2015 u jirrakkonta l-istorja ta’ Kevin, Steward u Bob u x-xogħol li għamlu sabiex jakkwistax il-fiduċja ta’ Scarlett Overkill.

6. Despicable Me 2

Erm, naħseb għandna bżonn invarjaw naqra l-films li naraw ta’! Tgħid għaliex daqshekk iffissati fuq il-Minions u Despicable Me hawn Malta?

7. DeepFear

Ok ejja, b’xi mod jew ieħor irnexxielna naqilbu ftit il-folja. Il-film DeepFear ħareġ is-sena li għaddiet u jsegwi l-avventura ta’ mara li marret tagħmel scuba-diving fil-Karibew. Din l-avventura tieħu spinta interessanti u perikoluża meta tiltaqa’ ma’ ħlejqa li huma ftit dawk li jixtiequ jiltaqgħu magħha meta jkunu l-baħar.

8. Despicable Me

Onestament lanqas nafu x’naqbdu ngħidu. Issa la l-oħrajn kienu kollha hemm, mela ngħaqqdu l-mija b’dan ukoll hux!

9. Orion and the Dark

Film ħelu għat-tfal b’messaġġ speċjali u li ħareġ propju din is-sena huwa Orion and the Dark. Dan huwa perfett għal dawk li forsi jixtiequ jvarjaw naqra milli jaraw il-film tal-minions… Il-film isegwi l-istorja ta’ tifel li jaffronta l-biżgħat tiegħu bil-lejl flimkien ma’ monstru ġentili li jismu “Dark”.

10. The Guilt Trip

L-aħħar film fil-lista tal-10 films favoriti mal-Maltin bħalissa hemm The Guilt Trip. Film li ħareġ lura fl-2012 u li jirrakkonta l-istorja ta’ Andy u ommu Joyce u l-vjaġġ twil tagħhom f’perjodu emozzjonanti għal ħajjithom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com