Ikellimna xi ħadd sirna mmorru bomba mill-ewwel … għaliex?
Hekk ngħidu fid-diskursati: “Kif mar bomba dak, lanqas laħaq qallu kelma!” Dan biex nirreferu għall-mument meta xi ħadd ikellem lil xi ħadd ieħor, u l-ieħor jisplodi. Tort jew raġun, qisha din l-azzjoni donnha saret karatteristika tagħna. Taqblu?
Fil-verità, il-fatt li bniedem jisplodi juri stat ta’ xi ħadd li jkun ilu jiġma’ ġo fih. Forsi fil-familja, fuq ix-xogħol jew f’ċirkostanzi differenti. Jista’ jkun ukoll minħabba li l-persuna tkun konxja tal-madwar tagħha; il-politika, l-inġustizzji, id-drittijiet u d-dmirijiet, u malli xi ħadd jagħfsilha l-buttuni, tisplodi biex tneħħi l-istress li jkun inġema’ fiha.
Ma tagħti tort lil ħadd. Biss, ejja nikkalmaw ftit. Ġieli bniedem jgħidlek kelma b’intenzjoni tajba u jiġri li mal-ħażin, jeħel it-tajjeb u tkun infqajt mal-persuna żblajata. Jaf tiġik ħażina wkoll għax teskala.
Moħħna hemm. Tifakruha l-frażi: Cool and relax?