“Il-filmat tal-istudent u l-għalliem jirrifletti l-istat tas-soċjetà Maltija”
Kienu fl-eluf il-persuni li raw il-filmat tal-argument bejn għalliem u student fi skola lokali. Min jgħid li għandu raġun l-għalliem, min jipprova jifhem lill-istudent u min iħares lejn dan l-inċident b’mod aktar profond.
Kien hemm min qal li l-filmat tal-istudent u l-għalliem, minkejja qasir u juri argument wieħed, jesponi diversi problemi li għad għandna fis-soċjetà Maltija. Wasalna biex forsi nagħmlu eżami tal-kuxjenza?
1.Għad għandna ħafna nuqqas ta’ rispett fejn tidħol l-awtorità
L-għalliem lill-istudent qallu kemm-il darba sabiex jitlaq ‘il barra mill-klassi. Madanakollu, l-istudent sfida lill-għalliem u trattah daqs li kieku m’għandux l-awtorità li jkeċċieh mill-klassi ladarba mhux qed iġib ruħu kif suppost. Din l-attitudni tirrifletti wkoll l-attitudni li tara diversi persuni jieħdu fil-konfront ta’ awtoritajiet lokali, forsi għax hawn ħafna mhux kapaċi jammettu fejn żbaljaw u jaċċettaw li min qed jikkoreġihom huwa f’dover li jagħmel dan.
2.Ma tantx aħna kapaċi nżommu l-kalma
Sfortunatament, f’dan il-każ, l-għalliem jidher jitlef il-kalma mal-istudent. Filwaqt li ma nidħlux fil-mertu tas-sitwazzjoni u ta’ kemm-il darba l-għalliem ikkoreġa lill-istudent, li wieħed jiżbroffa ma jagħmel qatt ma jagħmel ġid.
3.Faċli li nirrikorru għall-vjolenza meta jqabbiżilna xi ħadd
Mhux l-ewwel darba li nisimgħu kif dak qabad isabbat u jkisser għax qabżitielu l-mara, l-ieħor ħareġ b’ħadida għal dak li kważi kkawżalu inċident tat-traffiku, dan l-għalliem li mbaqbaq sabbat idu fuq l-iskrivanija tal-istudent, u l-istudent li min-naħa tiegħu iddeċieda li s-soluzzjoni hija li jfajjar daqqa lill-għalliem.
4.Hawn nuqqas ta’ taħriġ fejn jidħol kif wieħed għandu jaġixxi meta jaffaċċja persuni diffiċli
Sfortunatament m’hawnx biżżejjed taħriġ dwar dan, speċjalment f’xogħlijiet bħal dawk tal-għalliema, customer care, pulizija, wardens u oħrajn simili. Dan it-taħriġ għandu jkun hemm kontinwu sabiex wieħed jitgħallem kif għandu jġib ruħu f’sitwazzjonijiet bħal dawn.
5.Nippuntaw is-swaba lejn ħaddieħor imma ma narawx il-ħażin tagħna stess
Faċli naraw filmat tat-tip u noqgħodu niġġudikaw lill-għalliem jew lill-istudent, iżda inqas faċli nindunaw meta aħna nagħmlu l-istess tip ta’ żball. Minn wara l-keyboard, kulħadd ġenju, iżda fir-realtà kemm aħna razzjonali meta nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet tat-tip?