Il-ġmiel tal-Imġarr fir-Reġjun Tramuntana

 Il-ġmiel tal-Imġarr fir-Reġjun Tramuntana

L-Imġarr huwa raħal tipiku Malti li jinsab fit-Tramuntana ta’ Malta, xi ftit iżolat mill-villaġġi tal-madwar. Il-kosta tal-Imġarr testendi minn Fomm ir-Riħ għall-bajja ta’ Għajn Tuffieħa. Bejniethom issib ukoll bajja oħra magħrufa: il-bajja tal-Ġnejna. Illum dawn il-bajjiet jilqgħu fihom mijiet ta’ persuni matul ix-xhur tas-sajf li tarahom jixxemxu jew jaqbżu qabża fil-baħar brillanti li jittantak sakemm tinżel tgħum għawma liema bħalha.

Iżda kull villaġġ għandu l-istorja tiegħu u anke l-Imġarr iġib miegħu diversi stejjer interessanti li nkitbu matul is-snin. Infatti, fil-passat, il-bajjiet li semmejna kienu jservu bħala rifuġju għall-pirati, fattur li kien wassal sabiex jinbnew diversi torrijiet fuq l-għoljiet madwar Malta, tnejn minnhom jinsabu fl-Imġarr : it-Torri tal-Lippija fuq riħet il-Ġnejna u it-Torri ta’ Għajn Tuffieħa.

Apparti l-bajjiet, l-Imġarr jospita wħud mill-aktar postijiet qodma ta’ qima f’Malta u anke fid-dinja. It-Tempji ta’ Skorba u Ta’ Ħaġrat li huma wħud mill-aktar strutturi antiki li għadhom weqfin fid-dinja. Dawn iż-żewġ tempji huma parti mis-siti ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO.

Intant, f’Għajn Tuffieħa nsibu l-Banjijiet Rumani li kienu parti minn villa Rumana li kienet tintuża minn diversi familji Rumani sinjuri bħala post ta’ mistrieħ waqt li jkunu sejrin lejn il-kolonji tagħhom fil-kosta Tramuntana tal-Afrika. Intant, fin-Nofsinhar tal-Imġarr wieħed isib il-Victoria Lines, ħajt iffortifikat mibni mill-Ingliżi li jmur lura għas-seklu 19. Dan il-ħajt huwa akkumpanjat minn diversi torrijiet, batteriji u fortizzi.

Il-villaġġ li jospita aktar minn 4000 persuna u huwa magħruf ukoll għall-ħaxix u l-frott li jitkabbar fir-raba’ agħmieli tiegħu, fosthom il-famuż frawli. Il-frawli tal-Imġarr, tant hu famuż u maħbub li jwassal sabiex tiġi organizzata Festa Frawli b’mod annwali. Propju dakinhar, mijiet ta’ persuni jattendu din il-festa sabiex jixtru xi kilo jew tnejn frawli mkabbrin mill-bdiewa Imġarrin.

Fl-Imġarr, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija, li hawnhekk tiġi ċċelebrata mhar il-Ħadd fuq il-15 ta’ Awwissu. Il-Kunsill Lokali huwa mmexxi mis-Sindku Paul Vella, il-Viċi Sindku Wistin Vella u mill-Kunsilliera Clayton Gauci, Tiziana Borg Busuttil u Odette Muscat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com