Il-panina ħelwa magħrufa għal dan iż-żmien!
Hekk kif qed noqorbu lejn tmiem ir-Randan, diversi ħwienet u furnara bdew ibigħu l-panina ħelwa magħrufa għal dan iż-żmien: il-hot cross bun.
Iżda kontu tafu l-istorja wara din il-panina tant magħrufa fil-pajjiżi tal-Commonwealth? L-aktar assoċjazzjoni ovvja hija mal-knisja kattolika u l-kruċifissjoni ta’ Ġesù. Is-salib li jimmarka l-wiċċ tal-panina jirrapreżenta s-salib ta’ Kristu, iżda jiċċelebra wkoll il-qawmien tiegħu mill-mewt. Madanakollu, il-hot cross bun hija kollegata wkoll ma’ reliġjonijiet aktar antiki.
Infatti, il-furnara Griegi u l-Eġiżzjani kienu jaħmu panini simili għall-hot cross buns fl-istess perjodu tas-sena sabiex jiċċelebraw il-bidu tar-Rebbiegħa. Il-pagani anglo-sassoni kienu jqimu alla bl-isem ta’ Eostre, li kienet titħares bħala l-alla tar-Rebbiegħa. Bħala parti mir-ritwal tagħhom waqt li kienu jqimu lil Eostre, il-pagani kienu jieklu panina tonda li kienet tissimbolizza l-qamar u li kienet tkun immarkata f’erba’ kwarti li jirrappreżentaw il-fażi tal-qamar jew jissimbolizzaw ix-xemx. Din iċ-ċelebrazzjoni pagana eventwalment ispirat l-isem tal-festa Kristjana (Easter) u f’daqqa waħda il-festa pagana nbidlet f’dik Kristjana.
Il-leġġenda tgħid li kien patri li kkonverta l-hot cross bun għall-knisja Kattolika. Fl-1361, Fr Thomas Rocliffe ħema panini bil-frott u mmarkahom b’salib. Hu mbagħad qassamhom lill-foqra. Jidher li hu kien uża l-istess tip ta’ għaġina li kienet tintuża biex issir l-Ostja. Hu kien immarkahom b’salib għax l-għaġina tagħhom kienet ikkonsagrata. Minn hemm ħarġet il-leġġenda l-oħra li l-panini kollha li jkollhom il-marka tas-salib u li jinħmew fil-Ġimgħa l-Kbira ma jimmuffawx. Intant, kien hemm min jemmen ukoll li dawn il-panini setgħu jfejqu l-mard tant li l-baħħara kienu joħduhom magħhom biex jipproteġu lilhom innifishom minn xi nawfraġju.