In-Naxxar: Ir-raħal tal-Ewwel twemmin Nisrani – Reġjun Tramuntana

 In-Naxxar: Ir-raħal tal-Ewwel twemmin Nisrani – Reġjun Tramuntana

Hekk jgħid il-motto ta’ dan ir-raħal, li llum tant kiber li jitqies bħala belt, Prior Credidi: Minn tal-ewwel li emmint hekk kif jingħad li l-Appostlu San Pawl kien f’dawn l-imkejjen li niżel l-ewwel fuq l-art. Wieħed irid jifhem li meta ngħidu Naxxar, lura fis-snin kien jinkludi l-Mosta, il-Għargħur, San Pawl il-Baħar kollu u anke l-Mellieħa; bħala parroċċi.

Il-festa titulari hija dik ta’ Marija Bambina, il-Vitorja li tkun iċċelebrata fit-8 ta’ Settembru. Fil-passat kien hemm interess li tibda ssir is-sekonda festa; dik tad-Duluri ta’ Settembru imma din baqgħet ma saritx fuq livell ta’ festa kbira kif nafuha aħna. Madankollu, hemm statwa tagħha mill-isbaħ li tinsab fil-Knisja tal-Kunċizzjoni fin-Naxxar. Il-festa tan-Naxxar hija magħrufa għall-armar barokk u rococo kif ukoll għat-tradizzjoni kbira tan-nar tal-art fejn matul il-ġimgħa jkun hemm 4 ħarqiet.

Il-mod kif tiżżejjen il-knisja għall-festa wkoll huwa uniku fejn fil-Ġimgħa Mqaddsa, għadha tiżżejjen bid-damas l-iswed.
In-Naxxar kien magħruf ukoll għall-fiera internazzjonali ta’ Malta; it-Trade Fair li mbagħad imxiet għal Ta’ Qali.

B’popolazzjoni li tlaħħaq ma’ il fuq minn 17-il elf, in-Naxxar sar post vibranti bi ħwienet tal-ikel, kafetteriji u mkejjen storiċi x’wieħed iżur.
Il-Knisja parrokkjali li saret Kolleġġjata riċentament, inbniet fil-bidu tas-seklu 17 wara li l-ewwel Knisja ddedikata lit-twelid tal-Madonna u anke lil Santa Luċija saret żgħira għall-poplu Naxxari. Dik preżenti tbierket mill-Isqof Alpheran de Bussan fil-11 ta’ Diċembru tal-1732. Il-jum tal-11 ta’ Diċembru llum jitqies bħala Jum in-Naxxar.

In-Naxxar jinkludi wkoll l-akkwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, is-Salina, il-Magħtab u San Pawl tat-Tarġa kif ukoll Birguma. Huwa rikk ħafna fil-wirt storiku saħansitra b’cart ruts presitoriċi, fdalijiet ta’ tempi, torrijiet ta’ żmien il-Kavallieri u fortifikazzjonijiet.
Palazzo Parisio huwa wkoll ta’ valur kbir artistiku u storiku li ntuża wkoll għal bosta films kbar bħal Count of Monte Kristo. Fih, isiru avvenimenti kbar, statli u anke tiġijiet.

In-Naxxar huwa mżejjen ukoll b’ammont ta’ kappelli sbieħ u antiki, toroq twal bħal dik ta’ September Avenue u dik ta’ Labour Avenue.
Uħud mill-wirt storiku Naxxari jinkludi:

It-Torri Gauci – seklu 16
it-Torri tal-Kaptan – seklu 16
It-Torri tal-Għallis – seklu 17
It-Torri ta’ San Mark magħruf bħala Ta’ Qalet Marku – seklu 17
Ir-Ridott ta’ Baħar iċ-Ċagħaq Redoubt – seklu 17
Ir-Ridott ta’ Ximenes – seklu 18
Parti mill-Victoria Lines – seklu 19
Reserve Post R15 – pillbox tat-Tieni Gwerra Dinjija, seklu 20.
Bla dubju, fil-qosor ma tistax issemmi kollox. Din il-lokalità fiha wkoll il-purċissjonijiet tal-ġimgħa Mqaddsa u l-Irxoxt, b’żewġ baned attivi mmens; Is-Soċjetà Mużikali Peace, u l-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, l-Iscouts, żewġ soċetajiet tad-Duttrina (subien/bniet), Tim tal-football Naxxar Lions FC li għandu fuq 100 sena, Grupp taż-żgħażagħ fil-parroċċa u ħafna iżjed.

Il-Kunsill preżenti huwa ffurmat mis-Sindku Annemarie Muscat Fenech Adami, il-Viċi Sindku Dr Christopher Deguara u l-kunsilliera, Marlon Brincat, Maryanne Cuomo, Mark Anthony Deguara, Joseph Spiteri, Noel Gatt, Ivan Gaffiero u Stephen Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com