Jiġuk mumenti fejn taqta’ qalbek?
Fil-ħajja se jkollok diversi punti fejn xi ftit jew wisq taqta’ qalbek. Tibda tistaqsi lilek innifsek, imma x’qed nagħmel b’ħajti? Imma din il-ħaġa se ġġibli l-kuntentizza li rrid? Imma xi skop qed nipprova nilħaq b’dan kollu?
Ġieli jiġu ġranet fejn l-affarijiet li s-soltu ma ssibx problema tagħmel, tibda ssibhom bi tqal. Ikollok nuqqas ta’ aptit u tibda taqta’ qalbek. Meta jiġuk mumenti bħal dawn, ftakar f’dawn il-punti:
- Ikkunsidra dak kollu li jkun qed jgħidlek moħħok bħala suġġeriment, mhux ordni. B’dan il-mod, tibda tara l-affarijiet bħala opzjoni u b’hekk tagħti lilek inniffsek l-opportunità li tagħżel.
- Fakkar lilek innifsek li ll-perjodu ta’ skonfort huwa biss temporanju.
- Mhux se jiddispjaċik li tkun għamilt xogħol tajjeb, anke jekk ma tantx għandek aptitu bħalissa.
- Kif qed tħossok issa huwa wkoll parti mill-ħajja, fejn hemm bilanċ bejn mumenti sbieħ u mumenti ta’ xi ftit skonfort.