Jekk qed nibqgħu ninsistu li f’Malta hawn l-ugwaljanza assoluta mela sejrin żball. L-ugwaljanza bejn is-sessi mhix biss responsabbiltà tan-nies fil-poter, iżda wkoll ta’ kull wieħed u waħda minna. Jekk aħna ma nibdlux il-mentalità tagħna dwar ċertu sterjotipi, mela se nibqgħu nżommu l-pajjiż lura milli javvanza.
F’intervista fuq it-televiżjoni, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg tkellmet dwar esperjenza personali tagħha bħala mara fil-politika. Qalet li tinsab fis-seba’ xahar tat-tqala tagħha u fost il-mistoqsijiet li qed jistaqsuha n-nies, qed jgħidulha: “Imma inti, la ssir omm, kif se jirnexxielek trabbi lit-tifla tiegħek meta qiegħda fil-politika?” Hi sostniet li hemm diversi kollegi tagħha rġiel li wkoll riċentament kellhom tarbija, u tinsab ċerta li din l-istess mistoqsija ma saritilhomx. Għaliex dan? Għax fl-għajnejn ta’ għexieren ta’ persuni, l-isterjotipi antikwati għadhom jirrenjaw, jiġifieri li r-raġel huwa dak li jmur għax-xogħol u l-mara hija l-persuna li tieħu ħsieb id-dar u lit-tfal. Dan minkejja li kollha kemm aħna nafu li ħafna u ħafna nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol u l-ħajja qed tinbidel.