Karmni Grima kellha sejħa … Illum Ta’ Pinu huwa Santwarju Internazzjonali

 Karmni Grima kellha sejħa … Illum Ta’ Pinu huwa Santwarju Internazzjonali

Kollox jaf il-bidu tiegħu lill-ġrajja li seħħet fl-għaxra ta’ filgħodu ta’ nhar it-22 ta’ Ġunju, 1883, meta Karmni Grima, xebba ta’ 45 sena mill-Għarb, kienet ġejja mill-għalqa, li kienet fil-limiti magħrufa Ta’ Ġordan. Kif waslet qrib il-kappella ta’ Ta’ Pinu, bħal semgħet leħen isejħilha: “Ejja! Ejja!”.

Billi ma kien jidher ħadd, kienet se tkompli triqtha, meta reġgħet semgħet il-leħen isejħilha, “Ejja llum, għax ma tkunx tista’ terġa’ tiġi qabel sena oħra”. Karmni marret lejn il-bieb tal-kappella, ittawlet mit-toqba tal-muftieħ, imma ma deher xejn li ma kienx tas-soltu.

Ħadet il-muftieħ minn taħt ġebla, fejn kien jinżamm, u fetħet. Qagħdet titlob bil-qalb, waqt li ħasset ferħ li ma jitfissirx. Imbagħad semgħet leħen li qalilha: “Għid tliet Ave Marijiet, f’gieħ it-tlett ijiem li l-ġisem tiegħi dam fil-qabar.”

 

Is-Santwarju Ta’ Pinu, sar l-aktar post devot tal-gżira Għawdxija, u tista` tgħid tal-gżejjer Maltin ukoll. Il-bosta ‘ex voto’ li nsibu fih juru d-devozzjoni li teżisti lejn il-Madonna taħt dan it-titlu. Fi żminijiet ta’ hemm, il-Maltin u l-Għawdxin daru lejn il-Madonna Ta’ Pinu u din min-naħa tagħha, ma ħallithomx mingħajr il-faraġ matern, li huma fittxew li jsibu fiha.

Illum is-Santwarju jħaddan fih il-fdalijiet ta’ Karmni Grima u ta’ Franġisku Mercieca, magħruf bħala Frenċ tal-Għarb li kellu fama ta’ qdusija u li f’ħajtu hu kien imfittex wisq għad-duwa li kien jagħti, magħmula minnu stess, mill-ħxejjex.

Kien hu li kompla xerred id-devozzjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu, u kien hu wkoll li ta bidu għall-Via Sagra li llum iżżejjen l-Għolja tal-Għammar, quddiem is-Santwarju. Ta’ kull sena, nhar it-22 ta’ Ġunju, issir it-tifkira ta’ meta Karmni Grima semgħet l-istedina ta’ Marija, “Ejja!, Ejja llum!” Fl-għaxra ta’ filgħodu ssir is-supplika tal-Madonna Ta’ Pinu, jitkanta t-Te Deum, u l-qniepen kollha ta’ Għawdex jinfexxu f’mota ferrieħa ta’ kwarta.

Jalla kull Malti u Għawdxi jisma` u jiftaħ qalbu għall-istedina ta’ Marija, li għadha ssejħilna ‘Ejja! Ejja llum!’, bla ma nħallu għall-għada. Is-sejħa ta’ Marija hija sejħa għall-lum, għax illum neħtieġuha, bħal kull jum ieħor ta’ ħajjitna. Minn Ta’ Pinu, l-istedina li taslilna, hija stedina ta’ omm, li hija konċernata ħafna minn uliedha, li hi tant tħobb.

Għalkemm forsi nqisu li ż-żmien modern li ngħixu fih berridna xi ftit mid-devozzjoni, fl-għawġ u l-inkwiet, lejhom nirrikorru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com