X’tiftakru mill-Covid-19?

 X’tiftakru mill-Covid-19?

Ma kinux mumenti sbieħ. Id-dinja kollha waqfet. Stress u saħħa mentali li marret il-baħar.

Ta’ kuljum, konna nistennew lill-Profs Charmaine Gauci tagħti ċ-ċifra ta’ kemm swabs saru, kemm fiequ, kemm hemm każijiet attivi, u l-agħar, meta konna nisimgħu li mietu xi nies.

Swabs, sanitizers, kwarantini u xejn attivitajiet. Tħassru l-festi, l-attivitajiet kollha fuq barra, waqfu t-teatri, inqata’ s-safar u żdied l-ikel fid-djar.

Kien hemm ukoll bosta relapses minn addicts, nuqqas ta’ qbil bejn koppji għaliex bdew iqattgħu ħafna ħin id-dar u kienu ħafna li sofrew.

Facebook kien l-arma ta’ kulħadd. Kritika meta se jgħalaq jew kritika meta se jiftaħ. Żmien li ma kien sabiħ xejn.

Iżda minn dan kollu, ħareġ ukoll il-pożittiv. Mhux biss li Malta kienet minn ta’ quddiem nett li għenet kemm felħet lill-poplu tagħha biex jibqa’ fuq saqajh, imma reġa’ sar maħbub il-ktieb, il-films u l-ħin ta kwalità mal-familja.

Sirna iżjed konxji tas-saħħa u l-iġjene tant li għadek tara l-ilbies tal-maskri fl-isptarijiet, djar tal-anzjani jew anke minn min ikun ma jiflaħx. Sirna naħslu iżjed idejna u nagħtu kas. Forsi tgħallimna nibżgħu iżjed għall-flus u apprezzajna l-libertà u anke l-fatt tas-safar meta rridu jew nixtiequ.

Kollox jgħaddi. L-esperjenzi jibqa’ hemm. J’Alla qatt ma jerġa’ jkollna minn dawn il-mumenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com