Liema hija l-itjeb qagħqa tal-appostli hawn Malta?

 Liema hija l-itjeb qagħqa tal-appostli hawn Malta?

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa fit-toroq ta’ Malta tibda tara diversi furnara u għaqdiet ibigħu ħobża famuża u delizzjuża li ġġib l-isem ta’ qagħqa tal-appostli.

Wara l-purċissjoni tad-duluri jew tal-ġimgħa l-kbira tarana kollha kemm aħna lesti bil-kartiera f’idejna biex nixtru qagħqa jew tnejn kif ikunu għadhom sħan sħan. Imbagħad dlonk immorru d-dar, indelkulha naqra butir, naqsmu żewġ fuliet jew naqtgħu biċċa ġbejna u nikluha mal-familja! Dejjem jekk twassal sad-dar, għax mhux l-ewwel darba li aħna u mixjin lejn id-dar niftħu l-borża u naqtgħu xi kisra, jek niklu l-lewż kollu li jkollha mweħħel mad-dawra tagħha.

Il-qagħaq tal-appostli huwa ħobż sempliċi li juża wkoll ingredjenti sempliċi: tqiq, ħmira, ilma, żejt taż-żebbuġa, melħ u tikka zokkor. Imma kontu tafu li tistgħu tagħmluha intkom id-dar? L-ewwel tagħmel l-għaġina billi tħallat l-ingredjenti li semmejna flimkien u wara li tgħaġinha sew, tħalliha toqgħod għal siegħa, imbagħad tgħaġinha naqr’oħra u terġa’ tħalliha siegħa oħra toqgħod. Wara dan, tista’ tirrombla l-għaġina u tagħmilha fi ċrieki u tħalliha toqgħod ftit oħra qabel ma troxxilha ftit ġunġlien u twaħħal magħha 12-il lewża li jirrappreżentaw lit-12-il appostlu. Hawn ma jifdallek xejn ħlief titfagħha fil-forn għal madwar ħmistax-il minuta.

Iżda għal dawk li m’għandhomx aptit iħammġu l-kċina, jew m’għandhomx ċans jagħmluha huma, jistgħu dejjem jixtru xi qagħqa tal-appostli minn xi forn viċin, niggarantulkom li l-qagħaq tal-furnara Maltin diffiċli tikkompeti magħhom!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com