Servizz ġdid jippermetti li nisa jitolbu taxi misjuqa minn mara

 Servizz ġdid jippermetti li nisa jitolbu taxi misjuqa minn mara

Servizz ġdid imniedi mid-ditta lokali ta’ taxis eCabs se tippermetti lin-nisa jħossuhom aktar sikuri meta jitolbu vjaġġ permezz tal-app tagħhom. Dan qed jagħmluh billi jagħtu l-opportunità lin-nisa jagħżlu li x-xufier tal-karozza tkun mara.

Il-funzjoni Women+, se tkun disponibbli għan-nisa u persuni oħra bil-għan li tinħoloq aktar atmosfera ta’ serħan tal-moħħ. Dan filwaqt li l-prezzijiet jibqgħu identiċi mingħajr spejjeż aġġuntivi u mingħajr dewmien żejjed.

Intant, in-nisa xufiera li se jipparteċipaw f’dan is-servizz ġdid se jkollom tnaqqis fir-rata ta’ kummissjoni, segwit minn skont ta’ 10% fuq ir-rata għall-bqija ta’ Marzu. Apparti minn hekk, 50 ċenteżmu minn kull vjaġġ li jsir permezz tal-funzjoni Women+ se jingħata donazzjoni lil FIDEM Foundation – organizzazzjoni mhux-governattiva li tgħin persuni vulnerabbli, partikolarment nisa, bniet u tfal, permezz ta’ opportunitajiet edukattivi.

eCabs spjegat kif permezz ta’ din l-inizjattiva tixtieq tilħaq żewġ għanijiet. L-ewwel wieħed huwa li tikkrea aktar opportunitajiet għax-xufiera nisa f’Malta u Għawdex, kif ukoll biex tagħtihom is-setgħa li jikkreaw post tax-xogħol aktar diversifikat. Dan hekk kif aktar minn 72% tax-xufiera fl-industrija tat-trasport f’Malta huma rġiel.

It-tieni għan huwa li toħloq livell ieħor ta’ komfort għan-nisa li jagħmlu użu mis-servizz tagħhom, biex b’hekk ikunu aktar sikuri u jingħataw is-sapport neċessarju fil-passi kollha tal-vjaġġ tagħhom.

Dan is-servizz se jopera 24 siegħa kuljum, flimkien ma’ servizz ta’ sapport għall-klijenti kif ukoll elementi oħra ta’ sigurtà li wieħed jista’ jsib fl-app.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com