Tiggwida lin-nies għal ħajja aħjar

 Tiggwida lin-nies għal ħajja aħjar

Miriam taħdem bħala Social Support Worker. Xogħolha jikkonsisti li tiggwida lill-individwi li jmorru biex jużaw is-servizz, biex ikollhom direzzjoni għal ħajja aħjar.

Spjegat kif tiltaqa’ ma’ diversi klijenti bl-isfidi u l-problemi tagħhom u ma tistax tindirizza lil kulħadd l-istess imma trid tifhem u tpoġġi lilha nfisha fiż-żarbun tagħhom. Fissret kif ma tistax tpoġġi lill-individwi f’kategoriji u tat eżempji wkoll ta’ sfidi li jgħaddu minnhom in-nies illum bħal per eżempju; persuna għandha xogħol imma ma tistax tlaħħaq mal-kera, nies li għaddejjin minn abbuż u saħansitra familja kbira li ma tkunx tista’ ssib post adattat għaliha.

“Ġieli nħoss li nkun irrid ngħin iżjed milli nista’, però hija diffiċli għaliex tista’ tgħin persuna b’ħafna modi imma mbagħad trid tiġi mill-persuna li tkun trid timxi ‘l quddiem”, spjegat Miriam.

“Tista’ tagħti kollox lill-persuna, issibilhom xogħol u tgħinhom b’diversi modi, però trid tiġi mill-persuna u mhux kulħadd ikun abbli li jgħaraf li għandu bżonn stil aħjar ta’ ħajja.”

Miriam qalet ukoll li hija ċerta kemm għad hawn l-istigma. Fisrret li ma tistax tmur għand l-individwu diġà b’idea ġo moħħok u ma tiġġudikahx. Sfortunatament, dan hu li jġib l-istigma.

Tenniet ukoll li bħala support worker tgħajja wkoll mentalment għaliex ta’ kuljum qed tara u tisma’ problemi differenti fuq bażi ta’ kuljum. Issibha wkoll ġieli diffiċli li tħalli l-ħajja personali tagħha d-dar għaliex ċerti problemi jaffettwaw il-ħajja tiegħek bla ma trid.

Kompliet tgħidilna u tagħtina eżempji ta’ problemi li n-nies qed ikollhom illum il-ġurnata. Qaltilna wkoll kemm huwa importanti li nippruvaw inkunu pożittivi fil-ħajja anke b’sempliċiment tbissima għaliex ma nkunux nafu minn xhiex għaddej il-bniedem. L-ikbar mod li bih is-soċjetà tista’ tgħin huwa li ma niġġudikawx filwaqt li nżidu l-kuxjenza ta’ xi jkun qed jiġri madwarna. Segwu dan il-filmat biex tisimgħu iżjed x’qaltilna Miriam.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com