“Wara li sirt omm sitt snin ilu, ħassejt li tlift ftit mill-identità tiegħi” TroffaĦamra tniedi żewġ singles
Il-kantawtriċi Maltija bbażata Barċellona TroffaĦamra għadha kemm nediet żewġ singles mill-album il-ġdid tagħha Weġgħat Żgħar, ftit ġimgħat qabel il-kunċert tat-tnedija uffiċjali tal-album li se jsir nhar il-Ħadd 31 ta’ Marzu fis-6pm ġewwa l-każin Maria Mater Gratia f’ Ħaż-Żabbar.
Fil-maġġorparti tiegħu bil-Malti, u rrekordjat fil-prestiġġjuż Temple Studios, l-album joffri titwila lejn il-ħajja ta’ mara u omm li tgħix ’il bogħod minn pajjiżha, u l-weġgħat żgħar li dan kollu jġib miegħu. L-ambivalenza tal-maternità, il-mogħdija taż-żmien, id-distanza, il-firda u l-bidla, huma wħud mis-suġġetti li jesplora Weġgħat Żgħar.
Waqt li kienet qed titkellem dwar x’nebbaħ dan l-album, TroffaĦamra spjegat li huwa meta tkun qed tikteb il-mużika u tkanta li tkun verament min hi tassew. “Wara li sirt omm sitt snin ilu, ħassejt li tlift ftit mill-identità tiegħi. Għaddejt minn perjodu ta’ dipressjoni ta’ wara l-ħlas, u ma bqajtx nagħraf lili nnifsi. Il-fatt li jien ngħix Barċellona, ’il bogħod mill-familja m’għenx, u ma bqajtx insib ħin għall-mużika. Imbagħad, meta ftit ftit erġajt bdejt insib l-ispirazzjoni biex nikteb id-diski, b’xi mod ħassejt li bdejt infieq, u issa qed inħossni erġajt sibt lili nnifsi!” esprimiet TroffaĦamra.
L-ewwel single mill-album iġġib l-isem ta’ Noa u titkellem dwar ir-relazzjoni ta’ TroffaĦamra ma’ bintha Noa. F’mument ħelu li jġiblek tbissima fuq xufftejk, Noa, li għandha sitt snin, tinstema’ tkanta fl-aħħar tal-kanzunetta. It-tieni single Mifruda bil-Ħin tirrakkonta l-istorja ta’ żewġt’aħwa li qed jesperjenzaw ħajjithom f’żewġ naħat opposti tad-dinja. Il-lirika nkitbet minn awtriċi u ħabiba tat-tfulija ta’ TroffaĦamra jisimha Annamaria Schurmann, li ilha tgħix l-Awstralja għal bosta snin.
TroffaĦamra tirrakkonta kif il-proċess ta’ kif tikkomponi d-diski huwa kważi maġiku: “Tal-blieh kif jien kapaċi nagħmel żmien twil mingħajr ma nikteb nota, u mbagħad f’ħakka t’għajn tiġini l-ispirazzjoni fejn inkun kapaċi niktiblek diska mill-bidu sal-aħħar f’temp ta’ siegħa – bil-mużika u l-lirika b’kollox! Xi kultant inħoss li ċertu diski jkunu jeżistu f’xi univers parallel u jien kemm naqbadhom u nniżżilhom fuq il-karta. Iżda biex dan iseħħ, hemm bżonn li jkolli ħafna ħin, u dan ma jseħħx ta’ sikwit. Iżda li ġara huwa li
f’dawn l-aħħar ftit snin kelli nnaqqas ftit mix-xogħol tiegħi bħala mużiko-terapewta minħabba xi problemi fil-kordi vokali. B’xi mod stramb, dawn il-problemi wasslu biex insib il-ħin nerġa’ nibda nikteb il-mużika.”
Il-kunċert tat-tnedija uffiċjali tal-album se jseħħ fil-każin ‘tal-blu’ ta’ Ħaż-Żabbar, raħal twelid TroffaĦamra. Se jkun kunċert intimu – prattikament grupp ta’ ħbieb (u familja!) idoqqu u jieħdu buzz flimkien. Kull min se jattendi huwa mħeġġeġ iġib miegħu figolla biex fl-aħħar tal-kunċert kulħadd jaqsam ma’ kulħadd. Il-melodiji, il-lirika u l-maġija żgur li se joħolqu atmosfera mill-isbaħ b’mużika eċċellenti f’kunċert li mhux ta’
min wieħed jitilfu.
Il-kunċert tat-tnedija tal-album ta’ TroffaĦamra Weġgħat Żgħar se jsir nhar il-Ħadd 31 ta’ Marzu ġewwa l-Blue Arena, il-każin tal-blu ta’ Ħaż-Żabbar, mis-6pm ’il quddiem. Il-biljetti għall-kunċert jew biljetti għall-kunċert u s-CD f’daqqa jistgħu jinxtraw mill-ħolqa t’hawn taħt jew mill-bieb:
Weġgħat Żgħar se jkun disponibbli wkoll biex jitniżżel minn fuq il-pjattaformi diġitali mill-24 ta’ Marzu. Għal aktar tagħrif żuru l-ħoloq t’hawn taħt:
Ixtru l-biljetti għall-Kunċert tat-Tnedija tal-Album:
Avveniment tal-Facebook għall-Kunċert tat-Tnedija tal-Album
www.facebook.com/events/1602330950506144/?acontext={“event_action_history
Kull min se jattendi huwa mħeġġeġ iġib miegħu figolla biex fl-aħħar tal-kunċert kulħadd jaqsam ma’ kulħadd. Il-melodiji, il-lirika u l-maġija żgur li se joħolqu atmosfera mill-isbaħ b’mużika eċċellenti f’kunċert li mhux ta’ min wieħed jitilfu.