Żviluppa moħħ aktar kreattiv b’dawn il-ħames passi
L-ideat l-aktar eċċellenti jsegwu proċess simili ta’ kreattività u f’dan l-artiklu se ngħidulkom eżatt kif intkom tistgħu tapplikaw dan il-metodu wkoll. Is-soluzzjonijiet kreattivi se tiġi bżonnhom ta’ kuljum – kemm jekk id-dar, kemm jekk fid-dinja tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet tiegħek ta’ kuljum.
Lura fl-1940, James Webb Young ippubblika gwida qasira b’teknika speċifika ta’ kif wieħed jista’ joħroġ b’ideat differenti. Skontu, l-ideat ġodda joħorġu meta tikkombina flimkien elementi magħrufa biex toħloq xi ħaġa ġdida. Il-proċess qasmu f’ħames passi:
- Iftaħ moħħok għat-tagħlim. Għall-ewwel trid titgħallem dwar il-materjal li għandu x’jaqsam direttament mal-problema li għaliha tixtieq issib soluzzjoni, kif ukoll titgħallem dwar elementi oħra ġenerali sabiex titgħallem dwar aktar kunċetti li forsi lanqas biss għandhom x’jaqsmu.
- Ħu l-ħin neċessarju biex taħseb dwar dak li qed titgħallem. F’dan l-istadju, eżamina dak kollu li tgħallimt u ħares lejn il-fatti minn angoli differenti. Imbagħad esperimenta billi tpoġġi ideat differenti flimkien.
- Eventwalment ieqaf aħseb fuq il-problema. Wara li tagħmel l-ewwel żewġ passi, il-pass li jmiss huwa li tipprova tieqaf taħseb fuq il-problema u tħalliha toħroġ kompletament minn moħħok. Uża dan iż-żmien biex tagħmel affarijiet li jagħtuk l-enerġija.
- Ħalli l-idea tirritorna għandek. F’xi punt speċifiku, wara li tkun kompletament waqaft taħseb dwar il-problema u l-ideat għaliha, l-idea tiġi lura waħedha bħal leħħa ta’ berqa b’aktar enerġija u ispirazzjoni.
- Ifforma u żviluppa l-idea tiegħek ibbażata fuq l-opinjonijiet tal-persuni ta’ madwarek. Sabiex idea tkun ta’ suċċess trid tara li tippubblikaha sabiex jaraha ħaddieħor, titlob għall-kritika u tadattha kif ikun hemm bżonn.