Aħbar tajba għal min irid jistudja fuq l-annimali – Skola għall-veterinarji f’Malta

Nhar il-Ġimgħa li għadda, 26 ta’ April tħabbar li dak li kien iservi bħala sptar tal-annimali f’Ta’ Qali se jkun mibdul fi skola għall-veterinarji.
Din se tkun amministrata mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija fejn il-korsijiet ser jibdew jingħataw f’Ottubru li ġej. B’hekk, studenti Maltin m’għandhomx għalfejn isiefru biex jitħarrġu fuq dan is-settur.
Ħabbar dan il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, fejn qal li l-kors tat-taħriġ se jibda jsir b’kollaborazzjoni ma’ università minn Barċellona bil-possibiltà li jissieħbu wkoll universitajiet oħrajn.
Intqal li l-istudenti Maltin kienu jħallsu medja ta’ €14,000 biex isiefru u jistudjaw barra minn xtutna sabiex anke jiggradwaw bħala veterinarji. Din issa mhux se jkun hemm iżjed bżonn li sseħħ.
Il-kors tal-veterinarji se jkun akkreditat f’livell 7, u l-istudenti se jkunu eliġġibbli biex jirċievu l-istipendju.
Avvanz kbir favur il-kuxjenza, it-tagħlim u l-għajnuna lill-annimali f’pajjiżna.