Dawn il-personalitajiet jagħmlu xi haġa komuni biex itejbu saħħithom

 Dawn il-personalitajiet jagħmlu xi haġa komuni biex itejbu saħħithom

X’għandhom komuni Justin Bieber, Jennifer Aniston, Jason Mamoa, Kim Kardashian u Harry Styles?

Apparti kontijiet tal-bank ħoxnin, dawn huma fost il-ħafna personalitajiet famużi li saru fans tat-trend ta’ bħalissa – il-cold plunges.

Cold plunge hija meta tidħol f’banju ilma friżat, ġeneralment mimli bis-silġ – trend li saret popolarissima fuq TikTok.

Imma din mhix xi ħaġa ġdida. L-ewwel evidenza ta’ dawn il-banjijiet kesħin tmur lura għal madwar 3500 sena qabel Kristu u fis-seklu 17 kienu jintużaw mit-tobba biex ifejqu mard varju kif ukoll qabel ma tkun se ssir xi amputazzjoni ta’ id jew sieq.

Illum il-cold plunges reġgħu kisbu popolarità.

Imma apparti d-degħxa  qawwija li jieħu ġismek meta tidħol fl-ilma nġazzat, x’inhuma l-benefiċċji ta’ din l-ispeċi ta’ tortura?

  • Għalkemm għad mhemmx studji xjentifiċi preċiżi, bosta qed jużaw dan il-metodu biex jiġġieldu l-ansjetà u d-dipressjoni. L-ilma kiesaħ jidher li għandu effett kalmanti u ta’ titjib fil-burdata kif ukoll jgħin jiċċara l-ħsibijiet.
  • Dan il-metodu jidher li jgħin ukoll atleti li jkunu qed jirkupraw minn xi uġigħ, kif ukoll f’każ ta’ qtugħ ta’ laħam jew uġigħ fil-muskoli.
  • Xi riċerka sabet li l-immersjoni f’ilma nġazzat tista’ tgħin biex wieħed jonqos fil-piż. Dan għaliex ix-xokk li tagħti lil ġismek meta tinżel fl-ilma kiesaħ jidher li jista jnaqqas l-ammont ta’ xaħam fil-ġisem.
  • L-istess riċerka turi li l-ilma kiesaħ jista’ jgħin jikkontrolla l-livell ta’ zokkor fid-demm f’ċertu persuni bid-dijabete.
  • Effetti oħra tal-immersjoni fl-ilma kiesaħ huma titjib fis-sistema immunitarja, titjib fiċ-ċirkolazzjoni, titjib fil-burdata, u żieda fl-aptit għal attività sesswali.

Iżda bħal kull ħaġa oħra, dawn il-banjijiet kesħin jistgħu ikollhom effetti negattivi.

  • Fost l-oħrajn, tobba qed iwissu dwar il-possibilità li l-ġisem jidħol f’xokk meta jkun espost għal temperaturi kesħin taħt l-10 jew 15-il grad celsius.
  • Riskju ieħor hu li l-ilma kiesaħ itellef il-kontroll tal-muskoli. Dan jista’ jwassal biex wieħed jegħreq. Sintomi jinkludu li wieħed jibda jħossu bla saħħa jew għajjien u jibda jitlef il-kontroll tas-swaba’, l-idejn u s-saqajn.
  • Wieħed jista’ wkoll jiżviluppa ipotermja jekk ikun espost għal ilma kiesaħ għal aktar minn tliet minuti.

Jekk se tipprova cold plunge, tkellem l-ewwel ma’ tabib biex tara li dan mhux se jkun ta’ riskju għalik.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com