Diversi reliġjonijiet f’Malta, imma hawn fejn jipprattikaw?
Għal ħafna nies, ir-reliġjon ma tfisser xejn. Għal uħud hi importanti ħafna. F’pajjiżi ċivilizzati, kulħadd għandu dritt li jemmen dak li jrid u dak li jħoss . Imma kemm veru nħallu lil min jemmen differenti minna (anki jekk aħna lanqas biss nipprattikaw) jipprattika fil-kwiet?
F’Malta, li darba kienet kważi kollha kattolika, illum hawn diversi reliġjonijiet li qed jiġu ipprattikati. Dan minħabba l-komunitajiet barranin li ssetiljaw f’pajjiżna, kif ukoll minħabba li hawn ammont ta’ Maltin li jħaddnu reliġjon differenti mill-maġġoranza tan-nies. Imma kemm aħna tolleranti?
Filwaqt li Malta mimlija knejjes kattoliċi, hawn nuqqas ta’ Moskea u Sinagogi, fost oħrajn. Kif nirreaġixxu meta ssir proposta sabiex jinbena xi tempju ta’ reliġjonijiet differenti minn tagħna? Noħolqu elf skuża, anki jekk iċ-ċittadin ma jkun se jħallas xejn mit-taxxi tiegħu għal dan il-proġetti. Saħansitra nsemmu li jekk isir dan il-bini se jiżdied it-traffiku. “Wow”, bin-nies jitolbu differenti se jiżdied it-traffiku.
U bilħaqq, f’pajjiż sekulari, huwa sew li min mhux parti minn reliġjon partikolari jispiċċa iħallas għall-proġetti u manutenzjoni ta’ knejjes permezz tat-taxxi?