“Għadni nixtrihom, diġà mmuffaw!” Ara kif għandek taħżen il-frawli…

 “Għadni nixtrihom, diġà mmuffaw!” Ara kif għandek taħżen il-frawli…

Il-frawli hija dik il-frotta li eluf ta’ persuni jiġġennu għaliha, propju għax mhux dejjem issibha! Allura meta jkun żmienha tarana kollha nippruvaw nixtru kemm nifilħu biex ladarba jgħaddi dan iż-żmien, inħossuna sodisfatti sas-sena ta’ wara!

Imma mhux l-ewwel darba li nixtru kaxxa frawli u ftit ġranet wara, tibda taraha timmoffa u ġieli tispiċċa jkollok twaddabha. X’ħasra hux? Tħabbel moħħok xejn, se ngħidulek eżatt x’għandek tagħmel biex il-frawli jdumlek ftit aktar.

X’jgħidu l-esperti dwar kif għandek taħżen il-frawli?

Għall-aħjar riżultati, l-esperti jgħidu li għandek tpoġġi l-frawli mhux maħsulin fil-fridge u fil-kontenitur oriġinali tagħhom. B’dan il-mod, il-frawli jżommu għal madwar ħamest ijiem b’kollox. L-importanti li malli tkun tista’, il-frawli tpoġġihom fil-fridge bit-temperatura ideali tkun dik ta’ 0 gradi celcius u tħallihom kemm jista’ jkun niexef. Il-post ideali għalihom fil-fridge huwa fil-kexxun li għandek apposta għall-ħaxix. Jekk tpoġġihom f’xi borża tal-plastic ara li tħalliha ftit miftuħa jew ittaqqabha ftit sabiex tkun ikkontrollata aħjar l-umdità.

Aħsel il-frawli biss qabel ma tikolhom jew tużahom għal xi riċetta. Meta taħsel il-frawli qabel ma tpoġġihom fil-fridge, iżżidilhom l-umdità, li tista’ twassal sabiex tħassarhom qabel iż-żmien.

Huwa importanti li jekk tara li l-frawli tilfu l-kulur tagħhom u bdew jirtabu ma tikolhomx. Intant, jekk tkun ħsilt u qattajt il-frawli u għal xi raġuni ħallejthom barra għal aktar minn sagħtejn, idealment ma tikolhomx.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com