Bil-filmat: “Għallmu lil uliedkom biex ma jitkażawx” – Demaris Agius

 Bil-filmat: “Għallmu lil uliedkom biex ma jitkażawx” – Demaris Agius

Filmat riċenti li ġie ppubblikat fuq il-paġna tagħna ta’ Strada Rjali qajjem diskussjoni taħraq dwar is-suġġett ta’ jekk in-nisa għandhomx jitħallew joqgħodu topless fil-bajjiet Maltin.

Id-diskussjoni kienet bejn Demaris Agius u Steffie Borda fejn meta saritilhom il-mistoqsija, wieġbu b’dak li jaħsbu huma. Fost l-ispunti li semmew, huma qalu li minkejja li huma ma jaħsbux li jaslu li joqgħodu topless f’bajja, ma jaraw xejn ħażin jekk ikun hemm persuna oħra li tkun topless.

Għexieren ta’ Maltin iżda, ma qablux, tant li nfexxew jikkummentaw dwar is-suġġett fejn fost l-oħrajn qalu: “nispera li tiġi arrestata jekk tinża’ fil-pubbliku”, “kollox sar xejn m’hu xejn”, “ma nemminx li għax barra minn Malta jagħmlu hekk għandna nagħmlu bħalhom”.

Oħrajn marru pass oltre u minflok esprimew opinjoni, infexxew fit-tgħajjir, aggressjoni u insulti:

  • “Hekk jonqosna mara tgħum għarwiena, trid tkun vera sħuna daqs kemm għadna safe ġo pajjiżna bl-imbarazz ta’ barranin li hawn l-iktar.”
  • “Ehe mela tkun qisha baqra lesta biex teħleb.”
  • “Jien nara xi ħadd jixxemmex jew jgħum topless ngħarraqhom…ma jinteressanix lol.”

Ma nafux liem hi l-aktar gravi, jekk hux dawn il-kummenti jew li tgħum topless.

Wara li qrat dawn il-kummenti kollha, Demaris ħasset il-bżonn li tikkjarifika dak li tkellmet dwaru fil-filmat. Hi rrimarkat li “jekk hemm persuna qed tixxemmex topless, din għandha jkollha l-privatezza tagħha. Jien mhux ħa noqgħod nagħmel xejn. Ngħallem lil uliedi ma jdejquhiex u biex ma jitkażawx, biex ma joqgħodux jippuntaw jew iħarsu imma biex sempliċement ma jagħtux każ. Kull parti tal-ġisem hija sabiħa u importanti u m’hemmx għalfejn nitkażaw.”

Hi kompliet tgħid “ jekk ħa toqgħod titkessaħ il-mara, u tagħmel mossi li jdejquna, hemm iva, ħa niddejjaq. Il-bqija jekk din qiegħda tixxemmex x’nista’ ngħidilha jien?” Irrimarkat li huma qatt ma qalu li se jfittxuhom, iżda tkellmu dwar każ fejn forsi setgħu jinzertaw mara hekk. “Għallmu lit-tfal tagħkom li m’għandhomx għalfejn jitkażaw, biex meta jikbru l-boys tagħkom ma jkunux dawk l-adulti li jipprovokaw mara, imma jirrispettawha u ma jdejquhiex,” temmet tgħid hi.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com