“Il-ħin tal-mistrieħ mhux premju imma bżonn…”

 “Il-ħin tal-mistrieħ mhux premju imma bżonn…”

Il-ħajja tal-lum saret wisq mgħaġġla. Ġieli qas nindunaw li tant inkunu ilna għaddejjin minn ħaġa għall-oħra li lanqas waqafna minuta biex nirrilassaw u nistrieħu ftit. Tqum filgħodu, tmur għax-xogħol, tiġi lura d-dar, tagħmel il-faċendi jew tagħmel xi xogħol ieħor, teħles il-qadi, issajjar, tiekol u tmur torqod…biex l-għada filgħodu terġa’ tqum u tagħmel dan kollu mill-bidu.

Infatti, ħafna drabi, qabel ma jasal tmiem il-ġimgħa lanqas biss nieqfu biex nieħdu nifs u naħsbu ftit fuq dak li nkunu għamilna jew qed nagħmlu. Tant dejjem għaddejjin, li ġieli saħansitra lanqas nieqfu ftit nirriflettu fuq dak li nkunu għadna kemm għamilna. Spiċċajt ħaġa, lestejtha u mxejt għal dak li jmiss fil-lista.

Qalb dan kollu, dlonk tarana ngħidu lilna nfusna, “la nlesti din, nistrieħ ftit” jew “meta nilħaq dan l-iskop, nieħu brejk”… ftit huma dawk li jirrealizzaw li saħħithom mhix infinita. Jekk ma nifhmux illi li nieħdu pawża huwa importanti daqs (jekk mhux aktar minn) affarijiet oħra li għandna nagħmlu f’ħajjitna, se nirriskjaw li neżawrixxu lilna nfusna.

Allura, x’inhuma xi ftit attivitajiet li nistgħu nagħmlu u ninkludu fil-pjan tal-ġurnata tagħna sabiex nirrilassaw u nieqfu ftit mill-ħidma kontinwa?

  1. Sib ħin kuljum biex taqra xi ftit minn ktieb jew ġurnal.
  2. Niżżel app fuq il-mowbajl li tgħinek tagħmel meditazzjoni ggwidata. Dawn l-eżerċizzji ġeneralment jieħdu biss bejn 3 u 5 minuti.
  3. Imponi limiti fuq is-sigħat li tiddedika lix-xogħol u waqqaf lilek inniffsek li tkompli taħdem barra mill-ħin tax-xogħol tiegħek.
  4. Ħu l-brejk kollu meta tkun fuq ix-xogħol u ppermetti lilek inniffsek sabiex tiekol l-ikel ‘il bogħod mill-kompjuter.
  5. Jekk għandek in-ngħas, sib ftit ħin biex tieħu ngħasa qasira.
  6. Sib ħin biex tkun kreattiv.
  7. Sib ħin biex tagħmel affarijiet li ilek tgħid li tixtieq tagħmel.
  8. Neħħi l-mowbajl minn idejk meta tkun qed tagħmel affarijiet għalik inniffsek!
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com