“Il-klijent dejjem għandu raġun”…jew hekk jaħseb!
Illum, it-tim tas-support għall-klijenti sar wieħed mhux biss importanti, iżda wkoll essenzjali għal diversi kumpaniji. Kumpaniji tal-ajru, dawk tal-ispedizzjonijiet, kumpaniji tat-telekomunikazzjoni u dipartmenti tal-gvern fost l-oħrajn, kollha għandhom tim iddedikat sabiex jisma’ lill-klijenti u jwieġeb il-problemi tagħhom.
Meta nitkellmu fuq dan is-suġġett, wieħed jiftakar fil-frażi “il-klijent dejjem għandu raġun”. Din il-frażi tintuża f’diversi pajjiżi u l-intenzjoni tagħha mhix li tgħid li dak li jkun għandu jagħmel dak kollu li jitlob il-klijent, imma sabiex jagħmel dak kollu li jista’ biex jifhem il-problema tal-klijent.
Iżda huwa veru li l-klijent dejjem għandu raġun? Minkejja li s-sentiment jibqa’ dejjem rilevanti, il-frażi ma tikkunsidrax li llum il-kapijiet tat-timijiet tas-servizzi tal-klijenti għandhom iktar minn klijent wieħed. Hemm il-klijent li huwa l-persuna li xtrat jew tagħmel użu minn prodotti u servizzi tagħhom. Il-klijent l-ieħor huwa n-negozju li qed jirrappreżentaw u t-tip ta’ reputazzjoni li jħallu mal-klijenti hemm barra.
Jekk negozju jopera bil-mentalità li l-klijent għandu dejjem raġun jista’ jibbenefika minn dawn:
- Il-klijenti jibdew jiffavorixxu lilek flok il-kompetizzjoni tiegħek.
- Meta l-klijenti jkunu kuntenti, jsiru aktar leali lejn kumpanija jew ditta, u allura ma jibdlux faċilment.
- Jekk il-klijenti tiegħek huma kuntenti, se jitkellmu dwarek b’mod pożittiv u jibgħatu aktar klijenti ġodda għandek.
- Hemm konnessjoni diretta bejn il-klijenti kuntenti u s-suċċess ta’ kwalunkwe negozju.